Fenlex, ditta li hija involuta fiha l-President tal-Partit Nazzjonalista Anne Fenech, tissemma sew f’sentenza li tat il-Qorti Taljana fil-konfront tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.
Dan fiż-żmien meta Berlusconi kien akkużat b’evażjoni tat-taxxa. Każ li għal żmien twil iddomina l-aħbarijiet Taljani b’Berlusconi kien ftit bogħod minn ikla ħabs tajba.
Pero f’dan kollu fiex tidħol id-ditta ta’ Ann Fenech? Fis-sentenza Taljana d-ditta t’Ann Fenech tidher aktar minn tliet darbiet.
Kien permezz ta’ kumment fuq facebook li l-avukat Joe Brincat tefa’ dawl fuq il-każ u mal-kumment Brincat espona s-sentenza li tat il-qorti Taljana fil-konfront ta’ Silvio Berlusconi.
L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi ried jara kif se jagħmel skema biex jevadi t-taxxi Taljani. Kien jixtri l-films mill-Amerka, xiri li għalih kienet tidher kumpanija Maltija IMS.LTD; kumpanija li kienet fl-uffiċju tad-ditta legali ta’ Ann Fenech.
Brincat spjega li meta Berlusconi nqabad; fl-ewwel sentenza l-Qorti Taljana sabet lill-Ims LTD u avukat Malti Tonio Fenech, is-sieħeb fid-ditta legali t’Ann Fenech, ħatja għad-danni li sofra l-Istat Taljan. Kien hawn li sar appell mill-avukat Malti u mill-kumpanija Maltija ta’ Berlusconi li l-kuntratti tagħha kienu jiffirmawhom avukati mid-ditta legali t’Ann Fenech.
Il-Qorti ċaħditilhom l-appell. Sar appell ieħor quddiem il-Qorti Suprema li waslet biex Berlusconi tilef is-siġġu fis-Senat, spiċċa jħallas u flok ikla tajba ħabs mar jgħin f’dar tax-xjuħ.
Mistoqsi dwar is-sehem tad-ditta legali t’Ann Fenech fil-każ ta’ frodi ta’ Berlusconi, Busuttil kien pront jaqbeż għal Ann Fenech. Anke jekk tissemma ditta li għandha rabta magħha għal Busuttil m’għandiex x’taqsam.
“Ann Fenech m’għandha x’taqsam xejn” qal Busuttil.
Aktar kmieni din is-sena Silvio Berlusconi kien Malta għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew u ltaqa’ mal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Laqgħa li fiha Berlusconi qallu li se jgħinnu fl-elezzjoni ġenerali.
Fi kliem Berlusconi, eks Prim Ministru Taljan: “sono stato amico di tutti leader del Partit Nazzjonalista Maltese, amico di Simon, e ho garantito il mio appoggio alle campagne elettorali. Sono molto lieto di potere dare una mano a lui e al suo partito”.
Jirriżulta li dan hu każ ieħor fejn il-prinċipju ta’ Simon Busuttil inbigħ għall-flus.