Fil-jum li l-Partit Nazzjonalista suppost beda bil-kampanja elettorali tiegħu mingħajr intoppi, spiċċa tħarbatlu kollox wara konfużjoni sħiħa dwar l-għażla tad-distretti li fihom ser jikkontesta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Kollox beda bil-gazzetta tal-MaltaToday fejn fil-faċċata ta’ quddiem ġie rrappurtat kif fl-aħħar ħin Bernard Grech biddel l-għażla tad-distretti li ser jikkontesta fihom.
Fil-fatt, fil-faċċata tal-MaltaToday ġie rrappurtat li Bernard Grech minflok se jitfa’ ismu fuq il-ħames distrett, se jikkontesta fuq it-tnax-il distrett.
Fuq it-tnax-il distrett fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kellu mat-tlettax-il kandidat, bil-Maltatoday tirrapporta li għall-elezzjoni li jmiss, il-partit ta’ Bernard Grech għandu inqas min-nofs dak in-numru, jiġifieri sitta.
Il-Maltatoday irrappurtat li Bernard Grech ħa deċiżjoni fl-aħħar minuta li issa jkun kandidat fuq it-tnax-il distrett, apparti li se joħroġ ukoll fuq il-ħdax-il distrett, l-istess żewġ distretti li kien ikkontesta Simon Busuttil fihom fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Aktar tard mal-ġurnata one.com.mt b’mod esklussiv irrapporta kif din il-bidla minn Bernard Grech nisslet paniku sħiħ fid-Dar Ċentrali.
Hawnhekk, ONE News żvela kif l-istrateġisti ta’ Bernard Grech talbuh imur fuq it-tnax-il distrett b’riżultat li ntalbu ma joħorġux kandidati oħra fuq l-istess distrett.
Din l-istorja jidher li niggżet mhux ftit lill-Partit Nazzjonalista li ħarbtet għal kollox l-ewwel ġurnata tal-kampanja ta’ Bernard Grech.
Fil-fatt, kienu biss ftit minuti wara li l-Partit Nazzjonalist minnufih ħareġ stqarrija fejn għamel u-turn oħra. Hawn ġie ddikjarat li Bernard Grech se jżomm id-distretti oriġinali tiegħu, jiġifieri l-ħames u l-ħdax-il distrett.
Madankollu, kien il-Partit Laburista fi stqarrija, li ġab fix-xejn il-kritika tal-Partit Nazzjonalista u nnota l-attakk ta’ Grech fuq il-midja indipendenti.
Il-Partit Laburista sostna li kieku l-istorja tal-MaltaToday, li kienet fuq il-faċċata tal-gazzetta minn sbieħ il-Ħadd filgħodu, ma kinitx minnha, din setgħet ġiet sempliċiment ikkoreġuta minn Bernard Grech stess fl-attività politika li kellu fil-Mosta.
Madankollu l-Partit Laburista tenna li Bernard Grech baqa’ ma għamilx hekk minħabba r-rebus intern li nħoloq wara li mar lura minn kelmtu li jikkontesta fuq il-ħames distrett.
Il-Partit Laburista fl-istqarrija saħaq li diġà jidher biċ-ċar li ma Bernard Grech ma tafx fejn qiegħed.
Temm jgħid li Bernard Grech bilkemm jiddeċiedi fuq distrett aħseb u ara jmexxi l-pajjiż.