L-eżerċizzju għar-reviżjoni tal-konfini tat-13-il distrett elettorali, li għaddejja fuqu bħalissa l-Kummissjoni Elettorali, wasal fil-fażi finali tiegħu. Dan skont tagħrif ippubblikat fit-Torċa llum.
Ir-Reġistru Elettorali li se jkun ippublikat dan ix-xahar mhux se jkollu r-reviżjoni li qed issir. Iżda sorsi qrib il-Kummissjoni Elettorali qalu lill-gazzetta li wara li r-reviżjoni tad-distretti tiġi approvata u ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern, ir-Reġistru Elettorali t’April tas-sena d-dieħla jrid juri d-distretti l-ġodda.
Fl-artiklu huwa spjegat li l-Kummissjoni Elettorali għandha tirrevedi l-konfini tad-distretti b’intervall ta’ mhux inqas minn sentjen u mhux aktar minn ħames snin minn mindu dawn ikunu ġew riveduti. L-aħħar reviżjoni kienet f’April 2012, għalhekk iż-żmien tal-għeluq issa huwa Mejju 2017.
Skont l-aħħar Reġistru Elettorali ppublikat f’April 2016, hemm mill-inqas ħames distretti li jridu jkunu riveduti: l-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħdax u t-tnax-il wieħed. It-tibdil irid isir għaliex f’dawn id-distretti, l-ammont ta’ eletturi huwa aktar jew inqas minn 5%. Il-ħdax-il distrett jinsab qrib li jaqbeż il-5% sew, bl-ammont ta’ eletturi jlaħħaq it-28,360. Dan irid jinżel għal 26,000. Għawdex mhux inkluż fit-tibdil, għax dan għandu jitqies bħala distrett wieħed, skont emenda fil-Kostituzzjoni fl-2007. It-Torċa tgħid ukoll li kisbet informzzjoni li l-ħames u s-seba’ distrett se jkunu jeħtieġu reviżjoni.
Fost il-fatturi li wieħed irid jikkonsidra fit-tibdil, hemm il-viċinanza ġeografika u d-differenza fid-densità ta’ popolazzjoni. Il-Kummissjoni trid tagħti kas ukoll jekk il-bdil jolqot lil eluf ta’ elettur mxerrdin fuq id-distretti u l-impatt li dan iħalli fuq kandidati popolari ma’ ċertu distretti. Bla dubju jkun hemm diżappunt ukoll għal dawk il-kandidati li jkunu ilhom jagħmlu door to door, jekk jirriżulta li dik il-parti m’għadhiex taqa’ fid-distrett tiegħu.