Id-diskussjonijiet mal-familja ta’ Nicolette Ghirxi għadhom għaddejin b’mod kunfidenzjali u b’rispett lejn l-inkjesti li hemm fuq dan il-każ u fuq kollox b’rispett lejn l-istess vittma u l-qraba tagħha. Dan qiegħed isir kemm mill-Prim Ministru li għandu laqgħat skedati mal-familja, kif ukoll mat-tliet ministri.
Dan iddikjarah fi stqarrija l-Gvern, li jxejjen rapporti fil-midja li qalu li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jiltaqa’ mal-familja tal-mara, li nqatlet mill-eks sieħeb tagħha fir-residenza personali fis-Swatar.
B’reazzjoni għal stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, li rikeb fuq dan ir-rapport, il-Gvern qal li hu deplorabbli kif każ traġiku ta’ dan it-tip jispiċċa mdawwar f’ballun politiku.
Il-Gvern fakkar ukoll li, minbarra l-inkjesta maġisterjali dwar dan l-omiċidju, għaddejja wkoll inkjesta mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, ippresedut mill-Imħallef Geoffrey Valenzia, waqt li separatament inħatret inkjesta indipendenti, immexxija mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano.
Fl-istess waqt, il-Gvern irriafferma l-impenn tiegħu li jkompli jinvesti u jwettaq riformi ntiżi li jipproteġu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
F’dan ir-rigward, intqal ukoll li, minkejja li sar ħafna fl-aħħar żmien, anke bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia dwar inkjesta fuq femiċidju li seħħ sentejn ilu, il-Gvern jibqa’ kommess u impenjat b’mod b’saħħtu li jkompli jġib aktar bidliet.
L-istqarrija temmet tgħid li dan qegħed issir biex jibqa’ jindirizza kemm jista’ jkun possibbli sitwazzjonijiet li jevolvu marbutin mar-realtà tal-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru.