Il-fatt li n-nies jinsew kif kienu qabel l-affarijiet u jieħdu l-affarijiet ‘foregranted’ huwa l-ikbar kumpliment għall-gvern saħaq il-Prim Ministru f’ attività politika f’ Ħaż-Żebbuġ.
Iżda fakkar li dak li llum narawh normali, bħar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, pjan ta’ enerġija stabbli, childcare b’xejn u n-nuqqas ta’ mediċini out-of-stock ma kienux in-norma fil-passat, iżda huma frott bidla radikali fit-tmexxija tal-pajjiż.
“Il-bidla hija l-essenza tar-raġuni għaliex il-poplu afdalna t-tmun tal-pajjiż. Il-bidla mhijiex faċli imma xogħlna hu li tidher faċli.”
Kritika tal-Oppożizzjoni
Il-kritika li qed jirċievi l-gvern mill-Oppożiżżjoni hi li tħeġġeġ lill-gvern biex ma jagħmel xejn. Dawn huma jiem li jkomplu juru d-differenza kbira bejn iż-żewġ partiti politiċi, saħaq il-Prim Ministru.
In-nies qegħdin jaraw Oppożizzjoni li għaddejja b’ ‘slowmotion’, li tixtieq Gvern li jieħu lil Malta lura fis-snin minħabba l-biża’ li jieħu deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra hemm gvern li ‘jagħli għax jidlam’ u li għaddej b’ ħidma bla waqfien biex ikompli jara l-bidla tanġibbli fil-pajjiż.
“Min jitkellem u min jaġixxi”
Il-Prim Ministru elenka numru ta’ proġetti kemm kbar u kif ukoll żar, li l-gvern f’ tlett snin implementa u li gvernijiet preċedenti kienu biss kapaċi jitkellmu fuqhom u ma jaġixxux.
Fost oħrajn semma’ l-proġett tal-enerġija fejn għamel referenza għall-interconnector, li minkejja li kien idea ta’ gvern preċedenti, ma kienx hemm permessi u li x-xogħol biex tkun implimentata din l-idea beda taħt gvern laburista.
L-Esplora hija eżempju ieħor, fejn minn idea vaga, fi tlett snin irrealizza ruħu u nbena ċentru ‘state of the art’ tax-xjenza, li se jkun l-għira tal-Ewropa. Proġett ieħor, għalkemm fuq skala iżgħar huwa l-ftuħ tal-isptar tal-annimali li se jkun inawgurat ilum.
Il-Prim Ministru stqarr li dan l-isptar mhuwiex biss uniku għall-pajjiżna imma anka għal Sqallija, fejn hu mistenni li jibda ġej ix-xogħol minn din il-gżira wkoll.
Gvern b’kuxjenza soċjali sa mill-ewwel jum
Il-baġits ta’ gvernijiet Laburisti f’ dawn it-tlett snin, kellhom l-għan li kulħadd igawdi b’ mod sistematiku u mhux bl-addoċċ.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista stqarr li għall-ewwel darba f’ żewġ ġenerazzjonijiet, il-gvern qiegħed f’ sitwazzjoni li jpoġġi bilqegħda u jara kif se jqassam il-flus li rnexxilu jġib.
Inqatgħet il-mentalità li ‘nonfqu illum u nħallsu għada. Issa qed inħallsu illum id-dejn li writna u li ta’ warajna qed inħallulhom il-ġid”
Bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż, setgħu ikunu allokati iktar flus biex jinqata’ iktar id-dejn tal-pajjiż, iżda l-gvern ħass li ikun iktar ġust li l-Maltin, speċjalment dawk f’ sitwazzjoni batuta, jirċievu l-benefiċċji ta’ baġit b’ ruħ soċjali.
Passi ta’ ugwaljanza bil-fatti
Dan hu l-iktar gvern fl-istorja tal-pajjiż li ta’ ċans lin-nisa jimxu ‘l quddiem u jakkwistaw l-indipendenza tagħhom, sostna Joseph Muscat.
Il-gvern għolla l-livell biex uliedna bniet għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin ma jkollhomx għalfejn jikkumbattu iktar id-diskriminazzjoni tas-soċjeta li titfa’ lin-nisa pass lura saħaq Muscat.
Hawnhekk ta’ l-eżempju ta’ childcare b’ xejn u l-ħolqien tal-maternity leave fund fost oħrajn.
Muscat għamel referenza għall-istatistiċi li juru kif qabel kien hemm biss 4 minn kull 10 single mothers jaħdmu, taħt din l-amministrazzjoni issa hawn 6 minn kull 10 ommijiet.
Dawn il-persuni li qabel kienu joqgħodu d-dar jew jaħdmu bla ktieb, issa qed joħorġu jaħdmu, jħallsu l-bolla, itejjbu l-livell tal-ħajja tagħhom u jgħinu l-pajjiż.
Il-pjan tal-Oppożizzjoni għall-pensjonijiet
Il-gvern ma jaqbilx mad-dhul tal-bolla obligatorja għall-pensjonijiet privati kif qed tipproponi l-Oppożizzjoni.
Bil-proposta tal-introduzzjoni tas-second pillar pension, l-Oppożiżżjoni trid bolla ta’ 4% oħra li jħallsuha min iħaddem u l-ħaddiem, biex forsi fil-futur tingħata pensjoni oħra. B’hekk minflok 10% tinqatgħa 14% mill-paga tal-ħaddiem ekwivalenti għall €750 għal min għandu paga medja u €350 għal min għandu paga minima.
Bis-soluzzjoni tal-Oppożizzjoni, saħaq Joseph Muscat, ma jonqsux biss il-flus fil-but tal-ħaddiem imma anka ta’ min iħaddem li jkollu jonfoq iktar għal kull ħaddiem. Dan iwassal biex tiżdied il-prassi li n-nies jaħdmu bla ktieb.
Anzi l-Gvern qed jaħdem biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-pensjonanti fejn permezz ta’ dan il-baġit, mhux biss reġgħet żdiedet il-penzjoni minima nazzjonali għat-tieni darba konsekuttiva imma pajjiżna sar ukoll l-unika pajjiż fid-dinja li ma jintaxxax id-dħul tal-penzjoni tal-gvern sa €13,000.
Bdew id-diskussjonijiet dwar il-paga minima
Il-Prim Ministru stqarr li l-gvern jemmen li l-minimum wage mhijiex biżżejjed u huwa għalhekk din is-sena, fil-baġit, min jaqla’ l-minimum wage ħa żieda b’ minimu ta’ €4, f’ ħafna każijiet b’ €9 u f’ oħrajn sa €15 fil-ġimgħa- spejjeż li tgħabba bihom il-gvern.
Muscat fisser kif dawn il-miżuri ħallew effetti pożittivi fuq l-ekonomija u l-qagħda tas-soċjetà iżda ma jaqbilx li ż-żieda fil-paga minima tkun imponuta fuq min iħaddem mingħajr konsultazzjoni ħolistika.
Madanakollu laqa’ l-kampanja tas-soċjeta ċivili li bdiet biex tiżdied il-paga minima u sostna li jħares ‘il quddiem biex flimkien maż-żewġ naħat tal-argument jiddiskuti bidla fil-paga minima, fil-COLA u tittieħed deċiżjoni- kif dejjem għamel il-gvern.
Gvern li jirrappreżenta lil min m’għandux leħen
Fl-aħħarnett il-Prim Ministru sostna li hu kburi li l-pajjiż qed jimxi ‘l quddiem.
“Nafu minn fejn tlaqna, nafu li se nwasslu ghal suċċessi akbar u nassigurakom li l-gvern se jkompli jara’ li ħadd ma jaqa’ lura, jimxi l-quddiem, biex b’dan is-suċċess il-ġid jasal għand kulħadd.”