‘Freezing This Christmas’ hija diska satirika kantata minn Sir Starmer and the Granny Harmers, li tikkritika direttament it-tneħħija tas-sussidju li kienu jgawdu l-pensjonanti fir-Renju Unit fil-kontijiet tal-enerġija matul ix-xitwa.
Din id-diska kontra l-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer, li bħalissa tinsab fil-quċċata tad-diski li tniżżlu b’mod diġitali, qed toħloq sensazzjoni hekk kif tattakka l-miżuri meħuda mill-gvern fir-rigward tal-pensjonanti.
Id-diska hija bbażata fuq il-melodija tad-diska ‘Lonely This Christmas’ u tikkummenta fuq id-deċiżjoni tal-Partit Laburista Ingliż li jneħħi s-sussidju tal-fjuwil fix-xitwa, mossa li skont il-filmat tad-diska se twassal sabiex kważi erbat elef pensjonant se jmutu minħabba l-kesħa fir-Renju Unit matul dan l-istaġun.
Il-lirika, miktuba minn Chris Middleton, fiha sentenzi bħal “It’ll be freezing this Christmas without fuel at home, It’ll be freezing this Christmas while Keir Starmer is warm, It’ll be cold, so cold without fuel at home, Merry Christmas Keir, I hope you can sleep at night”.
S’issa, aktar minn 1.6 miljun persuna raw il-vidjow ta’ din id-diska fuq YouTube.
Il-flus tal-bejgħ tad-diska se jingħataw lill-għaqdiet filantropiċi li jgħinu lill-anzjani.