Għal sena oħra ġie mniedi l-kunċert Rockestra għal ħmistax-il edizzjoni tiegħu .
B’hekk, fit-30 ta’ Settembru jerġa’ jirritorna dan l-avveniment li jsir b’kawża ġusta, fejn il-fondi miġbura se jkunu qed imorru għal The Malta Community Chest Fund.
L-edizzjoni ta’ din is-sena, li se tkun qed tirritorna ġewwa l-MFCC f’Ta Qali, se tkun waħda specjali hekk kif id-Direttur Mużikali ta’ Rockestra se jkun Maestro Aurelio Belli, li stqarr li huwa wkoll ibbenefika mill-għajnuna ta’ The Malta Community Chest Fund.
B’hekk b’Rockestra qed jagħti xi ħaġa lura wara l-għajnuna kbira li ngħata fl-aktar perjodu diffiċli ta’ ħajtu, minħabba l-marda tal-kanċer.
Qal, “Ilni dan l-aħħar għaxar snin, naħdem minn wara l-kwinti u qatt ma pretendejt xejn għax aħna nafu li din hija għal għan ġust. Illum il-ġurnata nara minn perspettiva differenti, fejn illum qed nitħallas tagħha mhux bil-flus imma bl-għajnuna tal-Community Chest Fund.”
L-edizzjoni ta’ din is-sena, ser tkun mimlija enerġija għall-pubbliku enerġetiku ta’ Rockestra tant li t-tema li ntgħażlet għal din is-sena hija ‘More than a feeling.’
Wieħed mill-imħuħ wara dan l-avveniment, Pawlu Borg Bonaci qal li Rockestra, mhux biss huwa kunċert tar-rock, imma huwa avveniment b’kawża ġusta li jiġbor fih nies minn sferi differenti.
Stqarr, “Kantanti dejjem insemmi li dejjem ikunu magħna f’Rockestra. Għandek nies biż-żmien qed isiru parti mill-familja ta’ Rockestra. Ħa naraw ritorn ukoll ta’ artisti oħra u anke kantanti ġodda li ġejjin mill-metal scene.”
Il-qliegħ minn Rockestra jintefa’ fil-karus tal-Malta Community Chest Fund Foundation bil-President George Vella fisser dan l-avveniment bħala wieħed li filwaqt li l-pubbliku jkun qed jieħu gost, ikun qiegħed jgħin lil min hu fil-bżonn.
Qal, “Ma nħarrsux lejh bħala avvniment ta’ entertainment, imma fuq kollox qed nikkontribixxu għal kawża ġusta li jiggwadanja minnha eluf ta’ nies diġà u sfortunatament fil-futur”.
Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra kien hemm l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li appella lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment b’għan nobbli u li jippromwovi talent Malti.