Id-direttur famuż Ridley Scott iddeskriva lil pajjiżna, bil-wirt storiku kollu tagħha, bħala ġawrha arkitettonika.
Waqt li kien qed jiddiskuti mal-istoriku Dan Snow l-aħħar film tiegħu, ‘Napoleon’, li partijiet sew minnu nħadmu fostna, Sir Scott qal li ż-żjarat tiegħu hawn dejjem ħallew impressjoni kbira fuqu.
Qal, “We shot this in Malta. Malta in a funny kind of way is an architectural gem. Its architecture is medieval, renaissance, it’s stunning. Mdina is incredible.”
Id-direttur, rebbieħ ta’ diversi unuri għal diversi blockbusters, bħal ‘Gladiator’, li nħadem ukoll f’Malta, kien qed jiddiskuti xeni spettakolari mill-film tant mistenni dwar il-ħajja tal-Imperatur Franċiż, li se joħroġ fiċ-ċinema nhar l-Erbgħa 22 ta’ Novembru.
L-attur famuż Joaquin Phoenix, li wkoll deher fi ‘Gladiator’, se jaħdem il-parti prinċipali f’dan il-film il-ġdid.
F’pajjiżna, id-direttur Ridley Scott ukoll diġà beda jidderieġi s-sequel ta’ ‘Gladiator’, li se jkompli jiġi ffilmjat fostna fil-bidu ta’ Diċembru wara t-tmiem tal-istrajk tal-atturi ta’ Hollywood ftit tal-jiem ilu.