Minn meta twaqqaf id-Direttorat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali f’Għawdex ħames snin ilu, l-FSWS intervjeniet f’xejn inqas minn ħamest elef, mitejn u ħamsa u tletin każ.
Il-maġġoranza tagħhom, aktar minn tmenin fil-mija, kienu Għawdxin.
Il-ħidma tad-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex ġiet analizzata u diskussa waqt konferenza li saret, bit-tema “Flimkien għall-Vulnerabbli f’Għawdex – Gżira ta’ Villaġġi”, biex tfakkar il-ħames anniversarju minn meta bdiet il-ħidma tal-Fondazzjoni f’Għawdex.
Hawnhekk ġie spjegat kif il-każijiet li misset magħhom il-Fondazzjoni kienu diversi, minn problemi ta’ saħħa fiżika u mentali, għal każijiet ta’ vjolenza domestika, abbuż fuq it-tfal, u problemi finanzjarji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti tenna l-impenn tal-Fondazzjoni li s-servizzi li toffri f’Malta, toffrihom ukoll f’Għawdex.
Dan anki paripassu mal-istrateġija ta’ Għawdex, li titfa’ piż fuq l-FSWS biex tkun responsabbli mill-iżvilupp soċjali tal-gżira Għawdxija.
Qal, “Għamilna ħafna, wettaqna ħafna, iżda għad hemm ħafna aktar xi jsir, u rridu nagħmluh flimkien ma’ dawk li nsejjaħ bħala atturi soċjali oħra, bħall-Pulizija li wkoll għandhom irwol soċjali, il-Victim Support Agency, il-Ministeru għal Għawdex, l-iskejjel u l-parroċċi. Ilkoll flimkien għall-vulnerabbli f’Għawdex, gżira ta’ villaġġi.”
Fil-fatt, fost dawk li ndirizzaw din il-konferenza kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, li rrimarka kif fi ħdan il-Korp għaddejja bidla sħiħa biex l-uffiċjali jħaddnu aktar l-aspett soċjali.
Stqarr, “It’s a cultural transformation fejn fost l-oħrajn qed nagħmlu iktar emfasi fuq is-social skills, l-importanza li nirrikonoxxu li fis-soċjetà tagħna niltaqgħu ma’ persuni li jeħtieġu servizz aktar professjonali u servizz aktar empatiku.”
Il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali, Michael Falzon innota kif id-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex, illum joffri ħmistax-il servizz, li jindirizzaw ir-realtajiet speċifiċi ta’ din il-gżira.
Qal, “Għawdex għandu r-realtajiet tiegħu, fejn per eżempju, hemm persentaġġ iktar għoli ta’ servizzi li jiġu mogħtija lill-barranin. L-FSWS ma jinteressahiex jekk intix Għawdxi, Malti jew barrani. Int x’int. Aħna qegħdin hemm biex nagħtu l-wens u dan id-Direttorat fl-aħħar ħames snin hekk għamel. Ta l-wens u l-għajnuna lil numru kbir ta’ nies imma l-aktar ħaġa importanti hija li nkunu hemm għan-nies.”