Id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali fi stqarrija ħabbar li ttieħdu azzjonijiet xierqa fid-dawl tas-sejbiet pożittivi tas-sottotip H6 tal-Influwenza A fir-Riserva Naturali tas-Salina.
Id-Direttorat qal li għalkemm din l-influwenza mhjiex ta’ periklu għall-bniedem għax ma titteħidx, din tista’ tiġi trażmessa lill-għasafar oħra u lil tjur domestiċi.
Sabiex tissalvagwardja it-tjur u l-għasafar selvaġġi, id-Direttorat qed jirriloka l-għasafar tal-ilma salvaġġ mir-Riserva Naturali tas-Salini biex jinżammu taħt il-monitoraġġ dirett tad-Direttorat għal aktar studji epidemjoloġiċi.
Id-direttorat żied jgħid li importanti li ħadd ma jiġbor jew iċaqlaq dawn l-għasafar lejn siti oħra mingħajr l-approvazzjoni meħtieġa mid-Direttorat innifisha. Dan biex jipprevjeni t-tixrid ta’ dan il-virus għal annimali oħra f’Malta u li jistgħu jipperikolaw l-industrija tat-trobbija tat-tjur.