Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Permanenti Ewlieni tfakkar li fl-4 ta’ Marzu li għadda nħarġet direttiva biex il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku, u li jistgħu jagħmlu xogħolhom mid-dar, jaħdmu bit-telework.
Dan intqal b’referenza għal stqarrija maħruġa mill-Unjin Ħaddiema Magħqudin, il-UĦM li fiha ħarġet direttivi biex ħaddiema fis-settur pubbliku jaħdmu mid-dar.
Is-Segretarjat Permanenti Ewlieni qal li dan jgħodd għal kulħadd. Sostna li għalhekk dak li ħabbret il-UĦM illum huwa bla ħtieġa għaliex ilu li daħal fis-seħħ.
Intqal ukoll li sal-bieraħ stess, is-Segretarju Permanenti Ewlieni u s-Segretarji Permanenti kollha kienu qed jiddiskutu kif, fiċ-ċirkustanzi, se jkompli jkun żgurat li s-servizz lill-klijenti se jibqa’ jingħata minkejja li ħafna mix-xogħol qed isir bit-teleworking.