Ħerġin minn Settembru meta barra l-ħarifa Mediterranja terġa’ magħna s-sena skolastika, akkademika. Eluf ta’ studenti ta’ kull età jirħewla mill-ġdid għat-tagħlim formali billi jattendu skola jew istituzzjoni: tista’ tgħid li llum iż-żgħar nett jibdew malli jitilqu jimxu biex jitħarrġu f’xi għamla ta’soċjalizazzjoni – ħaga tajba għaliex kważi kollha jinsabu waħedhom id-dar – filwaqt li l-kbar jimlew is-swali tal-lectures f’istitituzzjonijiet li kulma jmur qed dejjem joħolqu spazji akbar.
Hawn ta’ min jirrimarka – tgħodd żgur għall-università – il-maġġoranza tat-tfajliet fuq il-ġuvintur. Ħasra li fil-ħajja pubblika, fil-ħajja tar-responsabbiltà u tat-tmexxija u l-ħajja tan-negozju dan mhu rifless xejn. Saħansitra sal-Parlament dan l-iżbilanċ jibqa’ tiela’. Min jiltaqa’ mal-President ta’ Malta barra pajjiżna probabbli jieħu l-impressjoni li l-ġeneru f’pajjiżna hu mqassam sew iżda jibqa’ b’xiber imnieħer jekk jiċċekkja l-istatistika mill-uffiċċju tal-president ‘l isfel. Ma jfisserx li bqajna jdejna fuq żaqqna f’dan ir-rigward bħala pajjiż iżda żgur għad ma ħloqniex dawk l-inċentivi kollha li l-mara tidħol għal aktar responsabbiltà u tmidd rasha għat-tmexxija tal-pajjiż mal-irġiel f’numri akbar.
Settembru storiku u vjolenti
Settembru għandu wkoll ċerti memorji storiċi, xi drabi vjolenti. Jekk tieħu l-Istati Uniti l-11 ta’ Settembru ta’ 15-il sena ilu jibqa’ mfakkar għal attakk rarissimu li seħħ fuq art l-istat. It-terroriżmu qiesu jħobbu dan ix-xahar fl-Amerka għaliex anki dis-sena seħħew għadd ta’ attakki – żgħar u mxerrda – li flimkien ma’ inċidenti vjolenti b’abbuż tal-armi tan-nar fl-idejn – ma jidhrux li se jħallu lill-Amerikani jeleġġu president ġdid fil-kwiet mas-sitt gimgħat oħra. Hemm ħafna xi tgħid fuq dil-kampanja partikulari Amerikana – minn dejjem kienet differenti minn dawk Ewropej iżda did-darba l-element Trump jista’ jitqies minn osservaturi bħala wieħed li mhux qed jgħin l-atmosfera ta’ paċi, serenità u rispett bla vjolenza.
Imma għal Malta Settembru jibqa’ xahar storiku. Kien Settembru li l-Ottomani qatgħu qalbhom fl-1565 u bewwġu ‘l hemm qabel tidħol ix-xitwa (jidher li dik is-sena l-maltempata tal-ħarifa waslet sew fi żmienha u tathom x’jifhmu li ġejjin staġuni ta’ maltemp kbir). It-tieni gwerra dinjija l-istess, intemmet għalina fi tmiem is-sajf u għalhekk rġajna rbatniha mal-festa tal-Bambina li allura bdejna nsejjħulha iżjed il-Vitorja.
Ma jeżisti ebda dubju li s-sajf jippermetti l-Mediterran jistrieħ u jilqa’ miljuni ta’ turisti jfittxu x-xemx; imma l-Mediterran fis-sajf jippermetti wkoll li tagħmel gwerra fejn il-baħar ikun kalm, is-sema ċar biex tara fejn se tattakka u faċli (qabel l-ajruplani żgur) tbaħħar minn artek sa art l-għadu. Mela Settembru jġib ukoll tmiem il-gwerer. Dan kien fatt stabbilit fi żmien l-Ordni tant li l-korso (il-ħrug tal-karavani biex jaħtfu kulma jiġi għal idejhom) kien jehda fil-ħarifa tard u jerġa’ jidħol fir-rebbiegħa tard.
Hawn ħafna stejjer ta’ baħrin fil-Kottonera jaqilgħu l-ġlied għalxejn għax ma kienx ikollhom x’jagħmlu u kienu mħallta, ġejjin minn diversi pajjiżi bil-għan li jisirqu legalment (tinvesti f’xambekk u tagħti persentaġġ lill-gvern tal-Ordni ta’ kulma qbadt). Kien hawn min sab xortih.
Indipendenza bejn ħaltejn?
Madankollu meta ġiet l-Indipendenza 52 sena ilu ma kienx hawn dak it-tip ta’ taqbid. Għalkemm meta ħadniha l-Ingliżi kienu fil-burdata li jagħtu l-indipendenza lil fuq minn 60 kolonja Afrikana fast-track għax ma felħux iħallsu iżjed u ma xtaqux iġorru risponsabbiltà żejda, xorta waslet fi żmien meta l-għajta tagħha kienet ilha tidwi sew mill-bidu tas-snin ħamsin. Wara l-gwerra l-Ingliżi infurzaw kemm felħu l-identità Brittanika fuq dawn il-gżejjer b’kull mod – xandir, stampa, bandiera, kotba programmi għall-iskejjel, sforz qawwi għax ħasbu li r-riħ kien fil-qalgħa sew…u hekk kien.
Malta konna bejn ħaltejn. Kien hawn min dabbarha sew żmien l-Ingliżi bin-negozju u kien hawn min wara l-gwerra ħass li sirna aktar ta’ ġewwa. Għalkemm għal għan differenti dawn iż-żewġ sentimenti – ekonomiku u soċjali – iressquk sew lejn min jaħkmek u int tindihes miegħu kemm tiflaħ għax, iddawwarha kif iddawwarha jaqbillek. Meta l-indipendenza waslet politikament Malta kienet għaddejja minn maltempata oħra – dik tal-kwistjoni politiko-reliġjuża u għalhekk il-wasla tal-indipendenza ma ġabetx daqstant uforja daqskemm wieħed jistenna minn stat li kien ilu maħkum minn twelidu.
Terġa’ billi l-Indipendenza ġiet u l-Ingliżi dehru li baqgħu hawn – bnadar tax-xatba kullimkien (niftakar tifel ta’ ħames snin nistaqsi lil missieri għala fuq Kastilja tperper hemm bandiera Ingliża, « għax hawn tagħhom », kien jispega missieri b’mod preċiż), flus l-istess, difiża l-istess, xandir u stampa fil-maggoranza l-istess, kotba tal-iskola fuq l-istorja Maltija l-istess (Outlines of Maltese History ta’ Laspina dam sa nofs is-snin sebgħin fl-iskejjel), tifhimha. L-indipendenza terġa’ u tgħid l-anqas ma ġabet xi ferħa lil dawk li beżgħu li se naqgħu f’xi abbiss għax ġejna waħedna. U kien hawn min ibeżża’: bil-falliment, faqar, żjieda fl-emigrazzjoni, xi ħadd jattakana jew għad-direttura nitilfu ruħna! Jien tal-fehma li din l-atmosfera (u magħha żżied lil Mintoff li kien isejjħilha ‘farsa’) ftit għenet toħloq l-uforja li forsi kien ħaqqha. Dan tarah anki fil-poeti. Kien żmien ta’ żbruffar ta’ poeżiji u poeti żgħażagħ imma ftit ferm kitbu fuq l-Indipendenza…għala ma gewx imnebbħa?
Illum, imbegħda mill-1964 naraw kollox aktar oġġettivament. Il-piki bejn iż-żewġ forzi politiċi li ma jiċċelebrawx il-festi li ma kienux ‘tagħhom’ (jiġifieri l-Indipendenza tal-PN u r-Reppublika tal-PL) ħolqu farsa akbar – nofs pajjiż jiċċelebra ħaġa u n-nofs l-ieħor oħra, imsomma sitwazzjoni identika mal-każini tal-festa fir-raħal. Jien nemmen li minħabba li Malta iżolata fiżikament mill-artijiet qribna, aħna ma għandniex ġirien imissu magħna u għalhekk ma jifdalx ħlief naqbdu f’xulxin. Iżda nirringrazzjaw ‘l Alla li qed naraw anqas piki. L-ewwelnett għax dal-Prim Ministru għamilha politika tiegħu li jnaqqas dir-rivalità bla sens u t-tieni għax il-ġenerazzjonijiet qed jinbidlu u ż-żgħar wisq għandhom moħħhom fil-piki ta’ qabel tfaċċa l-Internet.
Liema festa nazzjonali
Ħaġa waħda fadal tinqala’ kull Settembru u kull Diċembru. L-imbierka festa nazzjonali. Għandna ħamsa – tneħħi waħda, kollha ħarġu mir-rabta jew qtugħ ir-rabta tagħna mal-Imperu Ingliż jiġifieri (skont il-kalendarju) il-Ħelsien, is-Sette Giugno, ir-Repubblika u l-Indipendenza. Jifdal il-Vitorja li bdiet 450 sena ilu mal-Assedju l-Kbir. U hawn il-bużilleż. Hawn min jgħid li l-Vitorja bla dubju hi l-ixjeħ, l-eqdem u tatna statura ta’ nazzjon (għalkemm legalment żero). Jibqa’, bil-ħaqq kollu, min jimbotta l-iżjed l-Indipendenza għax, ġiet kif ġiet, żgur stabbilietna legalment quddiem id-dinja kollha bħala pajjiż għalih: sirna membri tal-Ġnus Magħquda. Min-naħa l-oħra r-Repubblika qabel magħha kważi l-parlament kollu u l-kostituzzjoni kienet ħafna aktar denja; fuq kollox qtajna darba għal dejjem ir-rabta mal-Kuruna billi neħħejna r-Reġina. Dik assigurat vera indipendenza. Kollha raġunijiet validi jew ta’ min jixtarrahom bla passjoni partiġana.
Fi programm radjufoniku dax-xahar fuq das-suġġett tal-festi nazzjonali semmiegħ intelliġenti ħareġ b’oħra: għax ma nivvintawx waħda ġdida li tkun ta’ kulħadd ? Imma meta matul is-sena, staqsejtu, liema ġurnata? Skiet.
Riflessjoni aħħarija : Meta tqies li għad fadlilna mentalità kolonjali f’diversi oqsma (il-bandiera bis-salib ta’ dak li kien il-Kap tal-knisja Anglikana u t-tappieri bil-kuruna Ingliża mal-Belt kollu s-sena li għaddiet) titbissem u tgħid: id-dipendenza ma tintemmx bl-indipendenza.
Ritratt f’ras il-blog: Ir-rabta tagħna mal-Imperu Ingliżdaqt se jkollha esperjenza ta’ qtugħ ieħor meta l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea; jifdal ir-rabta anqas sinifikanti (barra dik bejn iż-żewġ pajjiżi) tal-Commonwealth kif jixhdu dawn il-bnadar meta seħħet il-laqgħa hawn is-sena l-oħra.
***
Ritratt tal-ġimgħa: Ir-rabta ta’ Malta indipendenti u repubblika tinfluwenza ħafna deċiżjonijiet bħal meta twaħħlu għadd ta’ tappieri fit-toroq tal-Belt biex ifakkru l-laqgħa tal-Commonwealth is-sena l-oħra bil-kuruna ta’ Eliżabetta II tal-Ingilterra, qiesha għadha reġina tagħna – xejn ma tgħin biex in-nazzjon joħloq sens ta’ kburija indipendenti mill-kolonjalisti li kellu 52 sena ilu.