Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija u dak tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei ġew rikonoxxuti bħala ċentri ta’ eċċellenza.
Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija ġie rikonoxxut għat-teknoloġija użata f’operazzjonijiet tal-qalb, iVAC 2L mill-kumpanija speċjalista bbażata fl-Olanda, PulseCath.
Il-Kardjologu u Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Robert Xuereb, spjega li r-rikonoxximent lejn din it-tip ta’ teknoloġija kardjovaskulari hu xhieda tal-impenn tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija biex javvanza l-innovazzjoni medika u jtejjeb il-kura tal-pazjent. Hawn spjega li dan l-intervent joffri assistenza u appoġġ lill-qalb, waqt li jkunu għaddejjin proċeduri oħrajn fuq il-valvoli jew l-arterji tal-qalb.
Bis-saħħa ta’ dan l-apparat, rajna każi li ma kinux jistgħu jsiru. Tant kemm huma kumplessi li aħna morna u wrejna x’għamilna f’ċentri barra minn Malta u tkellimna f’konferenzi kbar kemm f’San Francisco, kemm f’Amsterdam kif ukoll fl-Ingilterra.
Il-Kardjologu Robert Xuereb, Kap Eżekuttiv, FMS
Sadanittant id-Dipartiment tad-Dijabete, fi ħdan id-Dipartiment tal-Mediċina Interna, ġie wkoll rikonoxxut mill-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, bħala wieħed li jipprovdi servizzi komprensivi u edukazzjoni multidixxiplinarja, b’tim ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa li flimkien jikkordinaw biex jipprovdu kura u taħriġ.
Id-Dipartiment tad-Dijabete f’Mater Dei wettaq riċerka importanti dwar il-kundizzjoni, fejn mhux biss saħħaħ l-għarfien tiegħu, iżda kkontribwixxa wkoll fil-mod kif jimmaniġġja lokalment.
Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tad-Dijabete, il-Professur Stephen Fava, spjega li dan ir-rikonoxximent inkiseb grazzi għall-istandards għoljin u l-kriterji tal-għażla stabbiliti mill-federazzjoni internazzjonali u sal-lum jeżistu biss 22 ċentru ieħor li ġew rikonoxxuti globalment.
Spjega li l-federazzjoni internazzjonali tistenna bil-ħerqa li tilqa’ lid-Dipartiment tad-Dijabete f’Mater Dei bħala membru tan-network globali tagħha biex tkompli tibni l-kapaċità biex tagħti kura u edukazzjoni ta’ kwalità dwar id-dijabete f’aktar reġjuni madwar id-dinja.
Hu ta’ unur kbir u juri ħidma kbira u riżultati tajbin kemm kliniċi kif ukoll fir-riċerka li qed jagħmel dan id-Dipartiment tad-Dijabete f’pajjiżna. Dan hu riżultat tax-xogħol magħmul min-nies, inkluż tobba u nurses, fejn għadna riżultati tajbin ħafna u għandna riċerka importanti ħafna għaddejja.
Stephen Fava, Chairperson, Dipartiment tad-Dijabete
Fi żjara li għamel fid-Dipartimenti tad-Dijabete u tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru Jo Etienne Abela rringrazzja lill-professjonisti għall-ħidma tagħhom u awgura lilhom u lil dipartimenti oħrajn li jkomplu jipprovdu kura ta’ eċċellenza.