Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, id-Dipartiment tat-Taxxi kompla jkabbar ir-rata ta’ ġbir tiegħu bi tnax fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Dan hekk kif anke r-rata fil-ġbir tal-arretrati żdiedet b’għoxrin fil-mija fil-każ tal-individwi u ħmistax fil-mija tan-negozji, li fisser mat-tletin miljun ewro iżjed minn dak li hu dovut lill-Istat.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kummissarju tat-Taxxi, Joseph Caruana, spjega li, minkejja li l-pajjiż ilu s-snin ma jintroduċi xi taxxa ġdida kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji, id-Dipartiment tat-Taxxi qed isarraf il-ħidma tiegħu f’aktar riżultati pożittivi, waqt li t-taxpayer qed jifhem ukoll l-obbligi li għandu f’dan ir-rigward.
Fil-fatt, il-Kummissarju Caruana spjega li, tul dawn l-aħħar snin, saret enfażi akbar fuq l-importanza tal-ġbir ta’ taxxi fil-ħin allokat. Messaġġ, li fi kliemu, qiegħed jasal ferm aktar.
“Fil-verità dan il-messaġġ qed inwassluh u allura qegħdin aktar nersqu lejn in-numru ta’ taxpayers li nfakkruhom kemm biex jibgħatu t-tax return, kemm fl-arretrati u pagamenti li ma jkunux ħallsu biex b’hekk hu l-importanti li jkunu compliant mal-obbligi tagħhom ma’ dik li hi taxxa u dak qiegħed iġib riżultati pożittivi.”
Joseph Caruana – Kummissarju tax-Taxxi
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, jirriżulta li d-Dipartiment tat-Taxxi qed jara iżjed persuni li mhux biss iħallsu dak li hu dovut kurrenti fil-ħin, imma wkoll dawk it-taxxi li jkunu b’lura, jew kif inhuma magħrufin aħjar bħala arretrati.
Fil-każ tal-arretrati, Caruana spjega li l-ħlas dovut qed isir kemm b’mod sħiħ kif ukoll permezz ta’ programm speċifiku għal pagamenti regolari.
“Għandek taxpayers li qegħdin iħallsu wkoll l-arretrati. Nieħu pjaċir li, fuq is-sena l-oħra, arretrati daħħalna aktar minn tletin miljun. Allura dawk huma minn programmi ovvjament biex iħallsu. Dan kollu ġej minn titjib li għamilna fis-sistema.”
Joseph Caruana – Kummissarju tax-Taxxi
Quddiem dan kollu, il-Kummissarju tat-Taxxi anke semma ż-żieda fil-persentaġġ tar-rata ta’ dawk li huma konformi mal-ħlasijiet tagħhom.
“Dawn huma riżultati inkoraġġanti. Fil-verità, jekk wieħed jara l-compliance rate ta’ tax return tal-individwi, bi pjaċir inħabbar li dik kabbarniha minn sebgħin fil-mija, għal disgħin fil-mija u din hi l-ewwel darba. Il-compliance rate tal-kumpaniji li, għalkemm għadha waħda baxxa taħt l-erbgħin fil-mija, illum qed nitkellmu li ressqet lejn il-ħamsa u sittin fil-mija. Jekk wieħed jieħu revenue, jara li, fl-ewwel sitt xhur, kien hemm tkabbir ta’ tnax fil-mija, overall fit-taxxa kollha.”
Joseph Caruana – Kummissarju tax-Taxxi