Id-Dipartiment tas-Servizzi Postali Amerikan (USPS) qal li mhux se jkun qed jaċċetta aktar pakketti miċ-Ċina u Hong Kong. Jidher iżda li l-ittri mhumiex effetwati minn din is-sospensjoni.
Il-USPS ma offra l-ebda raġuni għal din id-deċiżjoni li nħarġet wara li l-President Donald Trump impona tariffa addizzjonali ta’ 10% fuq il-merkanzija kollha miċ-Ċina lejn l-Istati Uniti.
Din l-ordni eżekuttiva ta’ Trump, eliminat eżenzjoni li kienet tippermetti oġġetti b’valur sa $800 jidħlu fl-Istati Uniti mingħajr ma jitħallas dazju jew ċerti taxxi. Din il-miżura, se taffetwa miljuni ta’ klijenti Amerikani li jixtru diversi oġġetti minn kumpaniji bħal Shein u Temu.