Hekk kif it-temperatura qed tkompli togħla, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed iwissi lill-pubbliku dwar l-importanza li jittieħdu l-prekwazzjonijiet biex wieħed jibqa’ b’saħħtu u jevita konsegwenzi koroh li jistgħu jiġu kkawżati bis-sħana. Id-Direttorat qal li wieħed għandu jixrob ħafna ilma matul ix-xhur sħan hekk kif it-temperaturi mistennija jkunu 36 grad celsius.
It-temperaturi għoljin jikkawżaw l-ilma tal-ġisem biex jonqos b’mod rapidu u b’hekk wieħed jaf jinxef minn ġewwa. Dan jaf iwassal ukoll għal għajja kbira u kif ukoll wieħed jaf jintilef minn sensih kawża tas-sħana. Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd iżda l-aktar li huma vulnerabbli huma persuni ta’ età kbira, trabi u kif ukoll persuni li għandhom problemi fis-saħħa.
Sabiex wieħed jevita l-effetti tal-mewġa tas-sħana hu importanti li; ma joqgħodx fis-sħana b’mod partikolari bejn il-ħinijiet tal-11:00 ta’ filgħodu u l-16:00 ta’ waranofsinhar, jagħlaq il-purtieri tal-kmamar sabiex iżomm il-post b’temperatura tajba, jixrob ħafna ilma b’mod regolari, jevita li jixrob l-alkoħol, il-kafè, it-tè u xorb li għandu ħafna zokkor, jilbes ilbies ħafif, ma jħallix persuni jew annimali f’vettura msakkra fis-sħana, għandu jimxi fid-dell u japplika l-krema ta’ kontra x-xemx u wieħed għandu jfittex għajnuna medika jekk ikollu xi ħsibijiet.
Id-Direttorat wissa wkoll biex dak li jkun għandu jiċċekkja b’mod regolari lill-anzjani fil-famlja, b’mod partikolari jekk jgħixu waħidhom, hekk kif ikunu f’riskju akbar.