“Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg hu ċentrali fil-politika tagħna li nassiguraw xogħol diċenti għal kulħadd u li nipproteġu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha. Għalhekk se ninvestu bi sħiħ fir-riżorsi tal-istess dipartiment biex ikompli jaqdi dawn ir-rwoli tant importanti bl-aqwa mod possibli.”
Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis meta żar lill-impjegati kollha tad-dipartiment waqt team-building event organizzat mid-diriġenza tal-istess dipartiment.
Il-Ministru Zammit Lewis elenka l-isfidi li se jiffaċċja dan id-dipartiment fi sfond ta’ inizjattivi favur l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, partikolarment it-tisħiħ tal-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol, id-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneri, kif ukoll il-liġi li tipprojbixxi kwalunke diskriminazzjoni f’pajjiżna li diġà tressqet fil-Kamra tad-Deputati.
F’dan il-kuntest, il-ministru rrikonoxxa l-importanza ta’ dan id-dipartiment u tenna l-impenn tiegħu li jagħtih prijorità assoluta taħt it-tmexxija politika tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Ministru Zammit Lewis żied li waqt li se tissaħħaħ l-istruttura amministrattiva tal-istess dipartiment u r-riżorsi kollha tiegħu, se jiġi eżaminat bir-reqqa l-operat tat-Tribunal Industrijali.
Il-Ministru Zammit Lewis ikkonkluda billi rringrazzja lill-impjegati kollha għax-xogħol importanti li jwettqu fl-interess nazzjonali.
Ritratt: MEAE