Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bin-nies tiegħu għamel kull ma kien possibbli fiċ-ċirkostanzi speċjali li sab ruħu fihom biex isalva l-ħajja ta’ Jean Paul Sofia. Kull imputazzjoni – diretta jew indiretta – ta’ nuqqas ta’ xi xorta lin-nies tal-Protezzjoni Ċivili, għandha tkun skartata u eskluża taħt kull regola ta’ ħtija ċivili jew kriminali.
Dan huwa dak li tgħid l-inkjesta pubblika Sofia dwar il-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li mexxew operazzjoni ta’ xejn inqas minn ħmistax-il siegħa biex isibu u jippruvaw isalvaw liż-żagħżugħ.
Fix-xhieda li ta fl-inkjesta, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li l-periklu kien evidenti u reali għal kulħadd, kemm għal min kien qed ifittex u għal min seta’ kien mirdum.