Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu trakk ġdid b’sellum li jiftaħ u jogħla 32 metru u jiflaħ persuni sa 500 kilogramma.
Dan ġie ffinanzjat mill-Awtorità tal-Ippjanar, b’investiment ta’ madwar €680,000, wara li fit-12 ta’ Mejju tas-sena l-oħra kien intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet li tingħata għajnuna f’dak li jkun hemm bożnn.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, spjega kif dan it-trakk se jiffaċilita l-ħidma tad-Dipartiment.
Psaila qal, “Dit-tip ta’ vettura ngħidulha turntable ladder, huwa sellum li jiftaħ tnejn u tletin metru, biss li għandu speċjali li qiegħed mgħammar bl-aħħar teknoloġija, il-biċċa ta’ quddiem tinqala’ u tintrama’ wkoll biex tkun tista’ tagħmel rescue bih li jiflaħ ħames mitt kilogramma.”
Is-Sur Psaila spjega li din il-vettura għandha funzjonijiet differenti minn oħrajn, u hija mgħammra bl-aqwa teknoloġija.
“Tista’ tuża r-reverse button fis-sens li l-programmi li tkun tajtu biex imxejt lejn ir-rescue, awtomatikament jagħmilha kollha waħdu mingħajr ma toqgħod tħaddmu mannwalment.” Stqarr Psaila.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, qal li din il-vettura tagħmel parti minn pjan ċar biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinvesti f’għodda u riżorsi li idealment ma jintużawx imma jeħtieġ li jkollhom biex meta jinqalgħu l-problemi, il-forzi dixxiplinati jkunu mħejjija sew għal dak kollu li jista’ jinqala’.
Il-Ministru Camilleri qal, “Il-Malti jgħid, “aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx” u dak huwa obbligu li għandha l-Protezzjoni Ċivili sabiex tkun preparata għal dak kollu li jista’ jinqala’, kemm investiment kapitali bħalma qed isir illum anki bi ftehim mal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll fit-taħriġ u fir-riżorsi umani.”
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, innota li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha r-responsabbiltà li filwaqt li tirregola l-politika ta’ permessi u ppjanar, tara li l-bini jsir b’mod regolat u tgħin fejn tista’ fil-provvediment tal-faċilitajiet meħtieġa f’każ ta’ inċidenti.
“Hija responsabbiltà tal-Awtorità, u tal-Ministeru tagħna, li ngħinu dan id-Dipartiment biex f’każ li jkun hemm emerġenzi, f’high rises jew postijiet oħra, ikollhom il-faċilitajiet neċessarji allura l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet madwar sitt mitt elf ewro bħala corporate social responsability biex niffaċilitaw xogħol li għandu jsir ’il quddiem.” Sostna l-Ministru Farrugia.