Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili huma lesti biex jiddikontaminaw post li jkun indikat bħala wieħed kontaminat minn xi infezzjoni.
L-Uffiċjal tas-Sezzjoni Marittima u tal-Hazmat, Mark Zammit, spjega li s-sezzjoni tal-Hazmat, li tieħu ħsieb perikli li jinvolvu materjal perikoluż bħall-kimika u radjoloġija fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, għandha ħaddiema mħarrġa biex jevitaw li tfaqqa’ xi epidemija.
“In-nies tagħna huwa ttrejnjati u atrezzati, għandhom ilbies protettiv li meta jiġu dan it-tip ta’ problemi fuq il-pajjiż, aħna nistgħu nirrispondu skont kif inhu meħtieġ”
Is-Sur Zammit sosta li f’dawn il-każijiet, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jaħdem id f’id mad-Dipartiment tas-Saħħa.
Spjega li l-awtoritajiet tas-saħħa jinfurmaw lilhom biex ineħħu kull periklu f’post pubbliku fejn fost l-oħrajn imorru jiddikontaminaw post li jista’ jkun intlaqat minn xi infezzjoni.
Saħaq li din hija proċedura li ssir fi kwalunkwe każ ta’ epidemija li tista’ tfaqqa’.
“Aħna konna stand-by meta kien hawn is-SARS, meta kien hawn l-Iswine Flu u diversi epidemiji oħra”
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili kompla jispjega kif il-ħaddiema jkunu protetti minn kwalunkwe periklu ta’ infezzjoni.
“In-nies tagħna jilbsu l-ilbies protettiv u wara li jagħmlu x-xogħol jiġu ddikontaminati f’dawn it-tined li għandna warajna. Bażikament qishom mobile showers, aħna noħduhom fuq il-post u dik il-persuna li setgħet ġiet ikkontaminata tista’ tneħħi l-kontaminazzjoni minn fuqha biex fl-aħħar mill-aħħar il-ħaddiem ikun imnaddaf kif suppost u ma jkollu ebda periklu”
Is-Sur Zammit aċċenna għall-fatt li l-awtoritajiet f’pajjiżna qed jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-tifqiegħa tal-Coronavirus li laqtet diversi pajjiżi madwar id-dinja tkun ikontrollata f’Malta.