Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila ppreżenta s-somma ta’ €1,060 lis-Sur Simon Schembri u lill-Ispettur Herman Mula bħala fundaturi tal-Blue Light Foundation.
Is-somma ġiet ġentilment miġbura mill-ħaddiema tal-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll waqt attività soċjali mtellgħa mill-istess dipartiment fejn kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u mistiedna distinti. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili faħħar din l-inizjattiva u wiegħed l-għajnuna kollha sostenibbli lil din il-fondazzjoni. Għal dan il-għan id-Dipartiment ta-Protezzjoni Ċivili nnomina lil ARO Jonathan Callus bħala r-rappreżentant tiegħu fi ħdan il-Blue Light Foundation.
Matul din il-preżentazzjoni s-Sur Schembri ppreżenta wkoll ittra ta’ apprezzament lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala ringrazzjament għall-intervent immedjat minn ARO Luca Crisafulli dakinhar tal-inċident, liema intervent kien kruċjali sabiex tiġi salvata l-ħajja tas-Sur Schembri.
L-għan prinċipali tal-Blue Light Foundation hu li jinħoloq fond li jibbenefikaw minnu dawk il-membri tal-korpi tal-emerġenza fosthom il-paramediċi, il-pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u sabiex jagħtu servizz liċ-ċittadin isofru minn xi inċident.
Wara li l-Gvern offra li jħallas l-ispejjeż kollha għall-kura neċessarja tas-Sur Schembri, dan, flimkien mal-Ispettur Mula ħadu l-inizjattiva li dawk id-donazzjonijiet li kienu diġà ngħataw mill-pubbliku għall-kura tiegħu jitqiegħdu f’fond li jagħmel tajjeb f’inċidenti oħrajn simili li jistgħu jseħħu fil-futur.