Mill-2013 sal-2018, l-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wieġbu għal aktar minn wieħed u tletin elf sejħa.
Kważi kull sena jidħlu madwar ħamest elef talba għall-għajnuna, għalkemm iċ-ċifri juru li kull ma jmur is-sejħiet qed jiżdiedu.
Is-sena l-oħra, l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wieġbu għal aktar minn ħamest elef u sitt mitt sejħa, u fl-ewwel xahar ta’ din is-sena diġà daħlu aktar minn erba’ mitt sejħa.
Fatturi li skont id-Direttur ta’ dan id-Dipartiment Emanuel Psaila qed iwasslu għal dawn in-numri, huma ż-żieda fil-popolazzjoni, u aktar għarfien fost il-pubbliku.
Qal li “Tipi differenti għandek nirien, oil spills, assistenzi, kull tip ta’ salvataġġi fil-karozzi, fl-irdum, pumping meta jkun hawn l-għargħar, inneħħu l-affarijiet f’xi maltempata li jistgħu jikkawżaw ħsara lil ħaddieħor, huwa vast ħafna x-xogħol tagħna.”
Is-Sur Psaila spjega li d-Dipartiment li jmexxi hu jaħdem ma’ bosta entitajiet, fosthom mal-Pulizija, mal-Forzi Armati ta’ Malta u mal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Iżda mhux biss. Bħalissa għaddej eżerċizzju bejn il-Protezzjoni Ċivili u Transport Malta biex jaraw kif jistgħu jnaqqsu l-oil spills mit-toroq – li tul is-snin żdiedu b’mod drastiku.
Qal li “Huma oil spills li huma kkawżati jew bi traskuraġni jew minħabba xi inċident allura bħalissa qed nagħmlu eżerċizzju biex nidentifikaw il-postijiet l-iktar vulnerabbli li jsiru li qed ikollna din it-tip ta’ sejħa biex nippruvaw nieħdu ħsieb li nnaqsuhom ukoll.”
Fost dan ix-xogħol kollu, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jaħdem ukoll biex iżid l-għarfien fost il-pubbliku, u dan jidher li qed iħalli l-frott hekk kif skont is-Sur Psaila, qed jidħlu bosta talbiet mingħand terzi persuni li jaraw affarijiet li fl-opinjoni tagħhom ma jkunux skont il-liġi – bħal bibien tal-emerġenza mhux aċċessibbli, jew injam u drapp fil-garaxxijiet.
Psaila spjega kif “Aħna mbagħad nibgħat persuni, nippruvaw bil-kelma t-tajba nitkellmu ma’ dak li jkun, hemm il-ħajja tan-nies fin-nofs u bdejna niddiskutu magħhom fejn ikun hemm dawn il-postijiet li jkollna notifikazzjoni fuqhom biex dak li jkun jieħu ħsieb u jiġi up to standard.”
Din il-ħidma mistennija tkompli tissaħħaħ meta fil-Parlament tkun approvata l-liġi tal-għarfien u s-sigurtà dwar in-nirien, magħrufa bħala Fire&Safety Regulations.