Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija, il-Professur Saviour Formosa, appella biex l-allegazzjonijiet quddiem il-pulizija u l-Qorti isiru biss meta jkunu ssostanzjati bl-evidenza u mingħajr sensazzjonaliżmu żejjed.
Dan fid-dawl tal-allegazzjonijiet li uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta wettqu sabutaġġ fuq dgħajsa ta’ immigranti u li ma għamlu xejn biex isalvaw immigranti fuq il-baħar.
Fi Stqarrija mid-dipartiment tal-kriminoloġija, huwa appella biex dawn l-allegazzjonijiet ma jsirux minħabba l-kilba li jieħu xi tip ta’ vantaġġ.
Id-dipartiment fi ħdan il-fakultà għall-Ħarsien Soċjali appellaw biex ir-rapporti li saru fuq il-Forzi Armati ta’ Malta ikunu investigati malajr kemm jista’ jkun. Dan għal ġid tas-suldati li bħalissa jinsabu f’ħidma kbira u li qed ipoġġu ħajjithom fil-periklu fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan filwaqt li jistħoqqilhom smigħ xieraq.
L-istqarrija qalet kif is-sitwazzjoni kurrenti bl-Ewropa turi nuqqas ta’ solidarjetà fil- problema tal-immigrazzjoni, tiftaħ opportunitajiet għall-kriminali. L-istqarrija temmet tgħid li jekk wieħed jattakka lil dawk li l-iżjed qed jaħdmu fuq din is-sitwazzjoni, dan ma jkun xejn għajr qed jgħin lil kriminali nfushom.