Ħafna forsi jistkerrħuh dan il-post, iżda għal mijiet ta’ professjonisti mediċi huwa jum bħall-oħrajn. Ġurnata ta’ għoti ta’ servizzi, sagrifiċċji, iżda fuq kollox ta’ sodisfazzjon.
Jiem biss qabel mad-Dipartimenti tal-Emerġenza jfakkru l-Jum Dinji tal-Emerġenża, tkellimna ma’ Dr Anna Spiteri, Konsulenta fl-Emerġenza f’Mater Dei, dwar ġurnata tipika tax-xogħol tagħha f’dan id-dipartiment li jara aktar minn mitt pazjent kuljum.
“Dejjem inkunu preparati għal li jista’ jinqala. Pazjenti jkunu eżaminati u skont il-problema jsiru testijiet u naraw hemmx bżonn jintbagħtu l-isptar jew f’xi outpatients. Imma aħna dejjem miftuħin hawnhekk 24/7.”
Id-Dipartiment tal-Emerġenza tista’ tgħid li huwa maqsum fi tnejn, parti minnu jagħti servizz mill-isptar stess, u l-parti l-oħra, jiġifieri l-ambulanzi, joħroġu fuq barra malli jkun hemm talba għall-għajnuna.
F’każi estremi, il-paramediċi tal-emerġenza jingħataw għajnuna wkoll mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew anke mill-Armata, skont l-esiġenza tal-każ.
“Għandna sett ta’ kriterji li jekk ikollna talba li jekk taqa’ taħthom u hemm bżonn servizzi ta’ tabib fuq is-sit, min ikun ħa t-telefonata jibgħat allert lil min hemm bżonn biex il-karozza tat-tabib tal-emerġenza tasal fuq il-post mal-ambulanza jew ane ftit qabel.”
Kull xogħol fih l-isfidi tiegħu, u dan mhux eċċezzjoni. Għal ħafna snin, l-akbar sfida li kienu jaffaċċjaw il-ħaddiema kienet pazjenti li jitolbu għas-servizzi meta l-każ ma jkunx gravi.
“Dejjem ikollna, u nifhem li għan-nies meta jħossu xi ħaġa hija emerġenza. Kultant meta tgħid lil dak li jkun li seta mar għand it-tabib, ma tkunx għaddietilhom minn moħħhom. M’humiex numri kbar, hemm qegħdin imma mhux overwhelming.”
Fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ l-appell biex il-pubbliku jagħmel użu minn dan id-dipartiment għall-każijiet li tabilħaqq ikunu ta’ emerġenza.