Tul it-tnax-il xahar tal-2019 id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei rċieva mat-tnejn u erbgħin elf sejħa għal ambulanza. Medja ta’ 112-il telefonata fuq il-linja 112 kuljum.
Il-konsulent fl-Emerġenza Dr Jonathan Joslin spjega li madwar nofs is-sejħiet kienu każijiet fejn il-persuni fil-bżonn ma kellhomx mezz biex imorru l-isptar.
“L-aħħar għaxar snin kull sena niżdiedu qisu xi 2,000 ambulance call. Hemm 50% l-oħrajn ikunu blue codes fejn ħafna drabi jkollhom bżonn transportation lejn l-isptar fejn ikollhom aktar għajnuna ġod-Dipartiment tal-Emerġenza.”
F’mitejn u sebgħin sejħa minn dawn ħarġu wkoll iż-żewġ tobba tal-emerġenza sabiex flimkien mal-infermiera assistew lil vittmi li jkunu involuti f’diversi tipi ta’ sitwazzjonijiet fosthom inċidenti tat-traffiku, waqgħat minn għoli, nirien, nies li għerqu u rewwixti.
Fl-elfejn u dsatax, il-professjonisti li jaħdmu fid dipartiment tal-emerġenza raw mal-mija u erbgħin elf pazjent. Żieda notevoli fuq is-snin ta’ qabel.
Hawnhekk Dr Joslin reġa’ appella sabiex persuni b’każijiet minuri u anqas serji jmorru għall-kura fiċ-ċentri tas-saħħa u jħallu l-emerġenza għall-persuni li għandhom bżonn l-kura urġenti għal kundizzjonijiet serji.