L-Awtorità tal-Artijiet għaddiet 33 sit sabiex jitranġaw u jkunu jistgħu jibdew jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali.
F’konferenza tal-aħbarijiet biswit waħda mill-propjetajiet abbandunati fil-Birgu ġie spjegat kif f’eżerċizzju li għamel, il-Gvern identifika 33 sit battal li issa għaddew mill-Awtorità tal-Artijiet lill-Awtorità tad-Djar.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali Roderick Galdes spjega kif bħalissa bdew ix-xogħlijiet fuq erba’ siti abbandunati. Huwa qal li minn dawn l-4 siti biss se jkunu qed joħorġu 11-il appartament.
Dawn l-4 siti li diġà beda x-xogħol fihom jinsabu fil-Birgu, ir-Rabat, iż-Żejtun u l-Belt. Spjega li x-xogħol u mistenni jkompli fuq il-propjetajiet l-oħra fiż-żmien li ġej.
“Bdejna nieħdu inizjattiva biex nirrabilitaw dan il-bini antik li ġie għand l-istat u għandna d-dover li nagħmlu użu minnu. Issa mill-banda l-oħra ħafna minn nies li se jibbenefikaw huma nies li qegħdin fuq il-waiting list tal-awtorità, nies vulnerabbli u li għandhom issues marbuta ma’ housing,” qal is-Segretarju Parlamentari Galdes.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius sostna li apparti l-1500 appartament li se jinbnew fiż-żmien li ġej, dawn il-postijiet se jkomplu jkabbru l-għadd ta’ propjetajiet għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.
“Illum qed isir ftehim fuq 33 propjeta, din li nisnabu quddiemha hija waħda minnhom sabiex tiġi rijabilitata u tkun tista’ sservi bħala akkomodazzjoni soċjali. Tajjeb li ngħidu li qed nilħqu skopijiet oħra mhux biss li dawn id-djar jiġu rijabilitati u allura użati u wkoll naraw li problemi li jinħolqu lil terzi minħabba l-abbandun jiġi solvut ukoll,” saħaq Agius.
Il-Ministru Ian Borg qal li din l-inizjattiva fiha diversi perspettivi differenti fosthom dawk soċjali u ambjentali. Spjega li żona tkun tista’ tiġi rriġenerata meta propjetajiet vojta jidħlu nies fihom u jagħtuhom il-ħajja. Qal li fl-2017 id-Dipartiment tal-Artijiet ta lill-housing aktar minn 500 Unit flimkien ma’ sit kbir lest għall-iżvilupp fl-Imsida.