B’aktar minn 170 delegazzjoni internazzjonali li mistennija jattendu l-funeral ta’ Papa Franġisku għada filgħodu, l-uffiċċjali tal-Vatikan li qed jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni, għandhom biċċa xogħol iebsa fl-isfond tal-qagħda ġeopolitika tensa li tinsab bħallissa fiha d-dinja.
Skont ix-xewqa ta’ Papa Franġisku stess, iċ-ċerimonja se tkun waħda solenni u sempliċi, iżda waħda mill-akbar uġiegħ ta’ ras u li tirrigwardja attenzjoni speċjali huma l-arranġamenti ta’ fejn se joqgħodu bilqiegħda l-bosta mexxejja u dinjitarji li aċċettaw l-invit ta’ attendenza.
Bħal ma kien sar fil-funeral ta’ Papa Ġwanni Pawlu II għoxrin sena ilu, ħafna mid-delegazzjonijiet mhux se jkunu f’ordni ta’ importanza iżda f’ordni alfabetika skont l-isem tal-pajjiż bil-Franċiż.
Dan l-arranġament jista’ jkun qed jevita sitwazzjoni diplomatika imbarazzanti hekk kif f’din l-ordni Donald Trump mhux se jkun qrib Volodymyr Zelensky peress li hemm diversi ittri tal-alfabett jifirduhom.
L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola alfabetika huma r-rappreżentanti Taljani u dawk tal-pajjiż nattiv tal-Papa l-Arġentina li se jkunu bilqiegħda fl-ewwel filliera
Il-President Arġentin Javier Milei wasal Ruma dalgħodu fejn sellem lill-Papa minkejja li ma kellhomx relazzjoni tajba bejniethom.
B’madwar 70 persuna, id-delegazzjoni Taljana hija l-akbar waħda li se tkun qed tirrappreżenta nazzjon wieħed.
Wara l-Italja u l-Arġentina, il-ġerarkija tal-ordni tkompli bil-membri Kattoliċi tad-djar irjali, il-GranMastru tal-Ordni ta’ Malta, id-djar irjali li mhumiex Kattoliċi u wara r-rappreżentanti tal-gvernijiet tan-nazzjonijiet l-oħra. Hawnhekk il-preċedenza tingħata lil dawk in-nazzjonijiet irrappreżentati mill-kap ta’ stat, segwieti minn dawk irrappreżentati mill-kap tal-gvern u warajhom dawk irrappreżentati minn ministri biss u l-ambaxxaturi jpoġġu l-aħħar.
L-awtoritajiet ċivili se jkunu qed ipoġġu fuq il-lemin tal-Bażilika ta’ San Pietru filwaqt li l-kardinali se jkunu skjerati fl-entratura.
Bħala lbies, l-irġiel iridu jilbsu libsa skura b’ingravata twila sewda u badge tal-istess kulur fuq il-pavru tax-xellug tal-ġlekk, filwaqt li n-nisa jridu jilbsu libsa b’ingwanti suwed u velu bl-unika ornamenti permissibbli huma perli madwar l-għonq.