Id-dinja tal-futbol tinsab imnikkta wara l-mewt tal-eks plejer Brażiljan, Pelé, li miet fl-età ta’ 82 sena.
Fuq il-midja soċjali, Lionel Messi u Cristiano Ronaldo, it-tnejn sellmu l-memorja ta’ Pelé.
Ronaldo qal li d-dinja tal-futbol tinsab ixxukkjata b’din l-aħbar u marul ħajtu huwa kien ta’ ispirazzjoni għal bosta kemm fil-passat , bħalissa u anki fil-futur.
Il-plejer Franċiż Kylian Mbappe qal li r-re tal-futbol ħalla din id-dinja, iżda l-memorja tiegħu mhu se tintesa qatt.
Il-plejer Brażiljan Neymar qal li Pelé biddel il-logħba tal-ballun. Huwa dawwar il-futbol f’arti u f’divertiment. Intqal kif Pelé ta vuċi li fqar u lil dawk ta’ razza skura. Neymar qal li Pelé jibqa’ għal dejjem.
Flimkien ma’ Neymar ingħaqdu diversi plejers tat-tim nazzjonali Brażiljan, kemm dawk li jilgħabu bħalissa u kif ukoll fil-passat.
L-Assoċjazzjoni Brażiljana tal-Futbol qal li tinsab grata għal-legat li ħalla r-re tal-logħba tal-ballun.
L-Assoċjazzjoni Ingliża tal-Futbol selmet ukoll il-memorja ta’ Pelé u l-grawnd ta’ Wembley f’logħba nxtegħel bil-kuluri tal-Brażil; aħdar u isfar.
Magħhom ingħaqdet ukoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, fejn intqal li hija tingħaqad ma’ oħrajn u ssellem lil wieħed mill-aqwa plejers li qatt lagħbu fil-futbol.
Il-FIFA u anki l-UEFA, fost oħrajn selmu l-memorja tal-eks attakkant Brażiljan.
It-tim ta’ Santos, li Pelé lagħab il-maġġoranza tal-karriera tiegħu hemmhekk, qal li huwa se jibqa’ mfakkar għal dejjem.
Bosta timijiet oħra sellmu l-memorja ta’ Pelé, fosthom Manchester United, Barcelona u Real Madrid.
F’kitba fuq il-midja soċjali ta’ Pelé ntqal li tul ħajtu huwa xerred l-imħabba.
F’Novembru ta’ sentejn ilu, meta miet il-plejer leġġendarju Arġentin, Diego Armando Maradona, fuq il-midja soċjali, Pelé kien qal li xi darba jispera li jilgħabu l-futbol fis-sema.