Matul dan it-tmiem il-ġimgħa, fil-ġnien magħruf bħala “ta’ Notre Dame” fil-Furjana, wara nuqqas ta’ sentejn se ssir id-disa u għoxrin edizzjoni tal-wirja annwali tal-Bonsai.
Fil-wirja wieħed se jkun jista’ jara kemm dan id-delizzju, li jinħtieġ ħafna dedikazzjoni u xogħol, joffri spettaklu ta’ x’taf toffri biss in-natura, permezz ta’ siġar minjaturi li jieħdu l-forma tagħhom, b’tant delikatezza u mħabba minn dawk li għandhom għal qalbhom l-arti u d-delizzju tal-Bonsai.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, wieħed isib diversi speċijiet ta’ siġar li nsibu f’Malta, bħas-siġra nazzjonali Maltija tal-għargħar, siġar taż-żebbuġ u tal-ħarrub, u saħansitra eżempji mill-isbaħ ta’ speċijiet bħal siġar Ġappuniżi, siġar tal-arznu, u siġar Asjatiċi u Meditterranji oħrajn.
Meta wieħed iżur din il-wirja jingħata materjal edukattiv marbut ma’ din l-arti tal-bonsai, u fl-istess ħin jiġi offrut pariri prattiċi u informazzjoni dwar it-teknika ta’ kif wieħed jimrah aktar fid-dinja sabiħa tal-Bonsai, li oriġinat miċ-Ċina, imxiet għall-Ġappun, u nfirxet mal-erbat irjieħ tal-globu.
John Grech, li huwa l-President u wieħed mill-fundaturi tal-Bonsai Culture Group, spjega aktar dwar ħidmet il-grupp.
Grech qal, ‘Imbagħad nerġgħu niftħu l-klabb tagħna f’Settembru, fejn inkunu nistgħu nibdew speċjalment bil-lekċers biex bejnietna nkunu nistgħu naqsmu l-ideat u l-esperjenzi li kulħadd ikollu, minn speċi differenti ta’ Bonsai, li huwa importanti li mhux kollha jkollhom bżonn l-istess trattament.’