Bħalma jsir kull sena, il-President Russu, Vladimir Putin, mistenni jippresiedi parata militari kbira f’Moska li timmarka r-rebħa fuq in-Nażisti fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Din is-sena, is-sinifikat ta’ din iċ-ċelebrazzjoni annwali kiber fid-dawl tal-invażjoni Russja fl-Ukrajna.
Hemm spekulazzjoni li Putin jista’ juża din l-okkażjoni biex iħabbar xi ħaġa maġġuri b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna.
Il-Kremlin qal li l-parati se jsiru fi 28 belt Russja bis-sehem ta’ 65,000 ruħ, 2,400 biċċa tagħmir militari, u aktar minn 400 inġenju tal-ajru.
Ilbieraħ, il-President Ukren Zelensky għamel diskors hu wkoll fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Rebħa, u qal li r-Russja qed tirreplika l-attroċitajiet li kienu jagħmlu n-Nażisti. Hekk kif issukta l-kunflitt, huwa maħsub li għexieren ta’ ħajjiet innoċenti oħra ntilfu wara li waqgħet bomba fi skola fil-Lvant tal-Ukrajna.