Fil-jum li nfakkru d-Duluri, il-ġrajja tat-tbatija tal-Madonna li rat lil binha jsofri sal-mewt, inħarsu lejn ħafna ommijiet li fil-ħajja qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ saram kbir, waqt li jsofru ma’ wliedhom, partikolarment fejn jidħol il-mard.
Ċirkostanzi fejn, sfortunatament, ukoll probabbilment ikollhom isegwu t-tbatija tal-għeżeż f’ħajjithom mingħajr ma jistgħu jagħmlu xejn lanqas biex itaffuha.
F’din il-ġurnata, ONE News iltaqa’ ma Lara, omm Khai, tifel ta’ ħames snin li, sa minn ftit wara twelidu, instab li kien qed ibati minn kundizzjoni kiefra.
Lara bdiet tispjegalna minn fejn beda d-dulur tagħha flimkien ma binha, fejn għall-bidu ma deherx li kien hemm affarijiet serji.
“Mela Khai beda ta’ sitt xhur, ġie diagnosed ta’ sitt xhur bdejna bir-raxx mal-ġilda tiegħu u għal xahrejn sħaħ kulħadd beda jgħidilna li hija eczema, imbagħad wara xahrejn, ħarġulu żewġ lumps waħda f’imnieħru u oħra wara rasu, wara widnejh, f’rasu, u erġajna ħadnih għand it-tabib u kulħadd beda jgħidilna li hi xi ħaġa normali.”
Maż-żmien, is-sintomi bdew jiżdiedu aktar u kien hawnhekk fejn saru aktar testijiet fuq it-tifel.
“Iżda mbagħad tal-imnieħer kibret ħafna li mnieħru kważi spiċċa taħt għajnejh tant kemm intefaħlu u morna għand tabib ieħor u dan it-tabib irreferiena għal speċjalista ieħor biex jagħmillu ultrasound u naraw aktar x’għandu u tana l-aħbar li dik għandu hi tumur.”
Wara numru ta’ testijiet instab li Khai kien inħakem mil-Langerhans Cell Histiocytosis.
“Bħala kundizzjoni tista’ taffetwa kullimkien, kull parti tal-ġisem, kemm l-għadam, kemm il-ġilda, kemm l-organi, kullimkien. Khai, sfortunatament, laqtitlu tliet postijiet, il-ġilda, l-għadam, imbagħad wara sena u nofs, ħariġlu fil-moħħ ukoll.”
Wara sena jieħu l-kura f’Malta, Lara ġiet mgħarrfa li t-trattament li kien qed jingħata ma kienx qed ikun biżżejjed.
“Ta’ rasu baqa’ jikber, tal-għadam f’rasu baqa’ jikber u kellna nitilgħu l-Ingilterra għal intervent żgħir biex ineħħulu minnu. Għall-grazzja tal-Bambin, wara li ġejna mill-Ingilterra kompla bit-trattament tiegħu, u ġejna u ġie …”.
Staqsejna lil Lara dwar il-karattru ta’ Khai u kif jiffaċċja t-trattamenti meħtieġa.
“Ħafna kuraġġjuż, ħafna ħafna ħafna, ferrieħi mmens, ċajtier, jaqbad ma’ kulħadd, iħobb jittanta x-xemx għaddejja li bħala tifel, mhux għax it-tifel tiegħi, ma tistax ma tħobbux, għax dak it-tip li anke jekk jara lil xi ħadd imdejjaq jara kif ħa jmur jipprova jferrħu, jekk xi ħadd minn tal-familja jew tal-iskola jkun, jien naf, ma jiflaħx, avolja kull m’għad għandu erba’ snin xorta jħoss.”
Lara qaltilna li, kieku ma kienx għall-qraba tagħha u dawk kollha li kkuraw jew ħadu ħsieb lil Khai f’Malta, dan il-vjaġġ kien ikun ferm iżjed diffiċli u s-salib, li kellha ġġorr, kien se jkun ħafna itqal.
Iżda, fl-aħħar nett, hi tgħid li l-akbar għajnuna li sabet kienet dik ta’ Puttinu Cares, l-organizzazzjoni karitattiva li tkun dejjem hemm mat-tfal u qrabathom f’ċirkostanzi daqstant diffiċli.
“Dawk għalina speċjalment meta ġejna biex insiefru kienu għajnuna kbira mmens u minn dejjem emminna, imma minn ta’ sitt xhur ilu ’l hawn emmintha aktar. Meta erġajna ġejna bżonnhom kienu mimlijin sa ruħ ommhom l-appartamenti tagħhom u Angele baqgħet baqgħet sakemm għenitna nsibu lodging, ma telqitniex.”
Waqt li nhar il-Ġimgħa l-Kbira wkoll terġa’ tittella’ maratona oħra ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Puttinu, issa li wkoll inħarġilhom il-permess biex jibnu sular żejjed fuq il-blokka l-ġdida fil-qalba tal-kapitali Londra, tlabna lil Lara biex, fl-aħħar, tgħaddi l-messaġġ tagħha lil dawk kollha li għaddejjin minn dulur simili fil-ħajja.
“Ara, bħal aħbar hi kerha, hija xokkanti, ngħid għalija. Jiena meta qaluli x’għandu t-tifel, kull ma rajt f’moħħi ħaġa waħda, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, meta tibda tiltaqa’ man-nies, l-importanti li jitkellmu ma jaqtgħux qalbhom, id-dinja ma tiqafx mal-aħbar. Iridu jidħlu għaliha b’ruħhom u ġisimhom, iridu jkunu b’saħħithom huma qabel kollox, ħabba t-tfal tagħhom. Għax it-tfal għadhom agħar, veru t-tfal jagħtuk il-kuraġġ, imma jekk ma jkollokx is-saħħa u temmen ikun għalxejn”.