Il-kardinali eletturi għażlu Papa ġdid, wara r-raba’ vot tagħhom, u issa l-proċess jimxi b’pass mgħaġġel.
Wara li deher id-duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina, il-Papa l-ġdid ġeneralment jidher fil-gallarija, li tħares fuq il-Pjazza San Pietru f’madwar siegħa mill-aħbar storika.
F’dan il-mument, il-Papa l-ġdid qed jiġi akkumpanjat lejn kamra żgħira ħdejn il-Kappella Sistina, magħrufa bħala l-“Kamra tad-Dmugħ”, fejn se jilbes il-libsa bajda Papali għall-ewwel darba.
Ftit wara, il-kardinal l-aktar anzjan se jikkonferma uffiċjalment il-ħatra bl-espressjoni famuża “Habemus Papam!”, jiġifieri “Għandna Papa!” u hemmhekk jitħabbar għall-ewwel darba fil-pubbliku l-isem tal-persuna li ntlaħaq qbil fuqha mill-maġġoranza tal-kardinali fil-konklavi.
Dan se jkun il-267 Mexxej tal-Knisja Kattolika Rumana.