Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li d-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, qed jipprova jippersisti bil-gidba tiegħu li kien hemm xi żieda fis-salarji tas-Segretarji Parlamentari. Iżda, fl-aħħar sigħat għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet li saħansitra jikkontradixxu lil xulxin.
Fi sforz biex jipprova jiġġustifika l-paprata li għamel meta qabbel salarju ta’ sena ma’ ta’ nofs sena spiċċa jħawwad iktar, sostna l-Partit Laburista.
Il-fatti huma ċari ħafna.
Meta Jason Azzopardi kien Segretarju Parlamentari kien idaħħal salarju ta’ iktar minn €82,000.
Dan kif tixhed id-dikjarazzjoni tal-assi li kien għamel hu stess u ffirmata minnu. B’hekk riżultat taż-żieda li l-membri tal-Kabinett kienu taw lilhom infushom Jason Azzopardi u sħabu kienu jitħallsu €22,000 iktar milli jitħallas illum Segretarju Parlamentari.
Il-Partit Laburista temm jgħid li “l-uniku differenza li kien hemm kienet dik li wara l-bidla fil-gvern fl-2013 tneħħiet għal kollox dik iż-żieda biex illum is-Segretarji Parlamentari jitħallsu ferm inqas minn dak li qed jipprova joħloq gidba ġdida. Mhux ta’ b’xejn li l-Kap tiegħu stess qallu li m’għandux ħin x’jaħli miegħu”.