Il-Ġimgħa waranofsinhar kellha tibda tinstema’ x-xhieda ta’ Darren Debono magħruf bħala t-‘Topo’, fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Vince Muscat il-‘Koħħu’ dwar l-attentat ta’ hold-up fuq il-kwartieri ġenerali tal-Bank HSBC fl-2010.
Darren Debono, kien ammetta s-sehem tiegħu fl-attentat ta’ hold-up lejl qabel ma kellu jgħadd ġuri fil-bidu ta’ dan ix-xahar mal-Koħħu u Fabio Psaila.
B’din l-ammissjoni, it-‘Topo’ weħel sentenza ta’ għaxar snin u nofs ħabs.
Madanakollu, fil-bidu tas-seduta bdew il-battikbekki bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni dwar jekk ix-xhieda ta’ Debono kinitx ammissibbli fil-każ.
Fil-fatt, id-difiża ta’ Muscat argumentat li jekk jixhed Darren Debono, se jsir preġudizzju fuq Vince Muscat. Il-Maġistrat Monica Vella se tkun tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.