Fil-Qorti, it-Tnejn filgħodu, Yorgen Fenech stqarr li l-kummenti li għamel Jason Azzopardi, fuq ir-radju disa’ t’ijiem ilu ikkawżalu danni irreperabbli.
Id-difiża tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia argumentat li Jason Azzopardi qed jippreġudika l-każ meta waqt il-programm ‘Għandi xi ngħid’ li jixxandar is-Sibt filgħodu mill-preżentatur Andrew Azzopardi, huwa wieġeb li Fenech huwa ħati.
L-avukati tan-negozjant qalu li jeżisti kunflitti f’Azzopardi bħala shadow Minister u deputat u anki avukat fil-prosekuzzjoni tal-każ ta’ qtil ta’ Caruana Galizia.
Id-difiża ta’ Yorgen Fenech talbet lill-Maġistrat Rachel Montebello, li qed tippresedi l-kumpilazzjoni fil-każ li jinsab mixli bih Fenech, biex tisma’ r-recording tal-programm u toħloq rimedju.
Dan il-każ isegwi wieħed fi żmien meta Eddie Fenech Adami kien Prim Ministru ta’ Malta u kien għamel kummenti li ġew interpretati bħala mod kif seta’ jiġi preġudikat il-każ kontra żewġ imħallfin li kienu mixlija b’tixħim.