Ġimgħa wara li beda l-ġuri dwar il-qtil ta’ Brandon Pace, magħruf bħala l-’Galalli’, illum kien imiss lid-difiża biex tressaq il-provi tagħha fejn Joseph Grech u ibnu Kurt qed jiffaċċjaw seba’ kapi ta’ akkuża.
Immexxija mill-Avukat Edward Gatt, id-Difiża talbet lill-ġurati biex jinsew kull preġudizzju li għandhom, filwaqt li fakkret fl-hekk imsejħa inkonsistenzi min-naħa tal-Prosekuzzjoni, li wkoll żiedet dettalji li qatt ma ssemmew qabel.
Dr Gatt semma x-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u kif, skontu, kien inċert jekk Joseph Grech kienx involut fl-argument.
Hawn id-Difiża talbet lill-ġurati biex ipoġġu lilhom infushom fiż-żarbun tal-akkużati, sitwazzjoni li ġiet deskritta bħala waħda “traġika”.
Dr Gatt qal li, qabel mar ħdejn id-dar tal-vittma, Kurt Grech għadda d-dar tiegħu jġib is-skieken, għax kien ċert li l-vittma u omm ibnu “kienu jaslu”.
L-avukat fakkar li fiż-żmien tad-delitt, Grech kien ukoll qed jipprova jibni relazzjoni ma’ ibnu ta’ sitt snin.
F’dan l-istadju, il-ġuri mistenni jiġi konkluż din il-ġimgħa stess.