Waqt laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, li tlaqqgħet mill-Presidenza Pollakka f’Varsavja, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, saħaq dwar l-importanza ta’ koperazzjoni reżiljenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
Spjega li dan l-impenn lejn relazzjonijiet b’saħħithom hu essenzjali fl-isforzi kontinwi lejn il-paċi fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna, impenn li jeħtieġ jgħaqqad flimkien l-influwenza strateġika tal-Istati Uniti mal-ħidma reġjonali u l-pjattaformi diplomatiċi estensivi.
Dr Borg irrefera wkoll għall-eskalazzjoni riċenti fl-iżviluppi f’Gaza u tenna s-sejħa ta’ Malta għall-waqfien dejjiemi mill-ġlied, għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha u għal impenn akbar biex jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja mill-Ġnus Magħquda tibqa’ sservi ta’ appoġġ kruċjali għall-għajxien tal-komunitajiet maqbuda f’dan iċ-ċiklu ta’ vjolenza.
Waqt il-laqgħa, Dr Borg aġġorna wkoll lill-Ministri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea dwar il-każ tal-bastiment ‘Conscience’ u l-appoġġ li Malta offriet lill-passiġġieri u l-ekwipaġġ tiegħu f’dawn l-aħħar jiem, skont ir-rekwiżiti tar-regolamenti internazzjonali.