Bħalissa, id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, id-DIER, għaddej b’investigazzjoni fuq 44 employer ta’ food couriers, li jimpjegaw kważi 1,900 ħaddiem fis-settur. Ħamsa minn dawn l-employers, li baqgħu ma kkoperawx mad-Dipartiment, diġà ttieħdu proċeduri legali fil-Qorti kontrihom.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-istess dipartiment, li ġie ppubblikat waqt konferenza, li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Jirriżulta li, s-sena l-oħra, infetħu total ta’ 1,202 investigazzjonijiet, li koprew mas-27,000 ħaddiem. Kważi 700 każ huma ta’ persuni li m’għadhomx fl-impjieg, waqt li ftit aktar minn 100 każ huma persuni li għadhom f’impjieg.
Waqt dawn l-investigazzjonijiet saru 107 spezzjonijiet u ħareġ ukoll li kien hemm 173 li tressqu l-Qorti.
L-aktar ħames raġunijiet ta’ investigazzjoni kienu l-pagi, il-bonuses, il-leave annwali, il-payslips u l-ħlas tas-sahra.
Ħareġ ukoll li t-Tribunal Industrijali ddeċieda dwar tmenin każ, b’65 minnhom jittrattaw allegati tkeċċijiet inġusti u għaxra oħrajn allegati diskriminazzjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li l-Gvern qed jaħdem biex isaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema.
“Biss biss, is-sena l-oħra, 43,000 persuna rrikorrew għand dan id-dipartiment biex jingħataw sapport. Dan id-dipartiment, tajjeb li ngħidu, li qiegħed hemm ukoll biex jassisti lil min iħaddem. U, allura, din l-ekosistema li rnexxielna noħolqu bħala Gvern tkompli toffri s-salvagwardji, speċjalment fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari, Andy Ellul
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li dan ir-rapport juri x-xogħol ta’ dan id-dipartiment u juri wkoll trasparenza.
Preżenti wkoll għall-konferenza kien kemm id-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat, flimkien mal-ħaddiema tad-dipartiment.