Żdiedu b’iktar minn 5,000 dawk li f’pajjiżna jaqilgħu bejn €20,000 u €30,000 – żieda ta’ 14% fuq il-bidu ta’ din il-leġiżlatura.
Dan fl-istess ħin li naqsu b’iktar minn 4,000 dawk li jaqilgħu taħt l-€10,000. Analiżi fil-gazzetta KullĦadd spjegat kif dan huwa xhieda ta’ kemm qed jilħaq nies it-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna.
Kienu żewġ domandi parlamentari mwieġba fi spazju ta’ ftit ġimgħat li indikaw kif żdied sostanzjalment id-dħul tal-familji Maltin biex bil-provi ssaħħet il-middle class. Dan kollu fl-aħħar tliet snin f ’xhieda ċara ta’ kemm qed iħalli frott it-tkabbir ekonomiku u miżuri talGvern biex tissaħħaħ il-middle class.
F’Mejju li għadda d-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi kien staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, domanda parlamentari dwar id-dħul tal-familji f ’pajjizna. Il-Ministru kkwota l-aktar statistika riċenti li tkopri d-dħul iddikjarat fissena ta’ stima 2015. F’Lulju saret domanda simili mid-Deputat Laburista, Etienne Grech. Dan talab id-dħul iddikjarat fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni precedenti.
L-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament tindika li l-ammont ta’ persuni fuq dħul baxx ta’ anqas minn €10,000 fis-sena naqas b’4,550 fl-ewwel nofs ta’ din il-leġiżlatura. B’kuntrast kien hemm żieda ta’ 2,488 fl-ammont ta’ dawk li jaqilgħu bejn €10,000 sa €20,000.
Żieda aktar impressjonanti kienet flammont ta’ persuni li jaqilghu bejn €20,000 sa €30,000 – dik li skont is-sondaġġi tal-Eurostat hija l-faxxa tan-nofs b’żewġ individwi jaqilgħu l-paga medja.
Hawn fl-ewwel nofs ta’ din il-leġiżlatura kien hemm żieda ta’ 5,159 persuna, jew żieda ta’ 14%. Fost dawk li jaqilghu bejn €30,000 sa €40,000 kien hemm żieda ta’ 2,631, mentri fost dawk li jaqilgħu aktar minn €40,000 kien hemm tkabbir ta’ 2,580 persuna.
Fi kliem osservaturi tas-settur ekonomiku, dan kollu jindika kemm it-tkabbir ekonomiku qawwi li qed iseħħ f ’pajjizna qiegħed jagħmel differenza fid-dħul tal-familji. Kien deskritt bħala sinjifikanti ferm il-fatt li 4,550 persuna ħarġet minn sitwazzjoni fejn kienet taqla’ anqas minn €10,000, u issa dawn il-persuni daħlu f ’faxxi ta’ dħul ferm ogħla.
Dan jikkonferma kemm il-miżuri li ħadet din l-amministrazzjoni qed joħolqu middle class ġdida anke jekk għad hemm familji xi jkunu indirizzati biex huma wkoll igawdu mill-ġid li qed jinħoloq. Fl-aħħar ġimgħat intqal li l-Gvern se jkun qed jieħu miżuri oħra biex il-qagħda ta’ aktar eluf, l-aktar fil-bżonn, tkompli tiġi għall-aħjar.
U li l-qagħda finanzjarja tal-familji tjiebet ikkonfermatu fl-aħħar jiem il-Malta Banking Association. Qalet li d-depożiti tal-klijenti mal-banek domestiċi ewlenin żdied b’mod konsiderevoli u, fi kliem James Bonello, Segretarju Ġenerali tal-Malta Bankers Association, dan hu sinjal ta’ fiduċja u kunfidenza fost il-pubbliku. B’żieda ta’ 6%, id-depożiti laħqu is-sittax-il biljun u nofs is-sena li għaddiet, meta s-sena ta’ qabel kienu ħmistax punt erbgħa biljuni.