Il-kollaborazzjoni fit-turiżmu u fil-kummerċ kienu fost iż-żewġ temi li ddiskutew il-President ta’ Malta, George Vella, u l-President tal-Kroazja, Zoran Milanović, fl-ewwel jum ta’ Żjara Statali ta’ jumejn f’pajjiżna mill-Kap tal-Istat Kroat.
Il-fatt li s-sena d-dieħla l-Kroazja se tidħol fiż-Żona tal-Ewro u anke l-interess tagħha li tkun parti miż-żona Shengen, jiffaċilita dan il-kummerċ.
Iż-żewġ Presidenti tkellmu wkoll dwar sfidi b’rabta mal-istabbiltà u l-mobilità fil-Mediterran u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod usa’, kif ukoll dwar dak li qed jiġri fil-Lvant tal-Ewropa, il-gwerra fl-Ukrajna, u kif din il-gwerra fixklet il-kummerċ internazzjonali f’mument meta d-dinja kollha qed toħroġ minn pandemija.
Fl-indirizz lill-ġurnalisti flimkien mal-President Milanović, il-President Vella tenna wkoll l-appoġġ u l-impenn qawwi ta’ Malta għall-prospetti Ewropej tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Mal-President Milanović, il-President elabora dwar il-konvinzjoni tiegħu li post il-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni Ewropea bħala Stati membri. Huwa tenna l-istedina tiegħu lill-President Kroat biex jipparteċipa fil-Laqgħa tal-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Arraiolos, li se ssir f’Malta fis-6 ta’ Ottubru li ġej.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kroazja tkellem dwar il-mod kif l-iżviluppi fil-Bożnija-Ħerzegovina qed ikollhom effett dirett fuq pajjiżu.
Intant, aktar tard matul il-jum, il-President Kroat iltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela – huma ddiskutew il-progress li sar fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Qabel, il-President Milanović kellu laqgħat mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, u mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Iż-żjara statali tal-President Milanović tintemm it-Tlieta kmieni waranofsinhar.