Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, id-dħul rikorrenti tal-Gvern żdied meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, id-dħul rikorrenti bejn Jannar u April kien ta’ kważi €1,595.3 miljun.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ 16.5 fil-mija.
Dan id-dħul rikurrenti żdied fuq is-sena ta’ qabel anki minħabba li hawn aktar nies jaħdmu u l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Statistika li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa mill-NSO turi li, għall-ewwel darba f’ħafna snin, hemm inqas minn elf persuna jirreġistraw għax-xogħol. Dawk jirreġistraw sax-xahar ta’ April kienu jgħoddu 963 persuna.
L-akbar żieda fid-dħul rikurrenti kienet ġejja mit-taxxa tad-dħul, il-Gvern daħħal ftit iżjed min-nofs biljun ewro. Mid-dħul mill-ħlas tal-bolla, il-Gvern daħħal ftit aktar minn €361.8 miljun.
Minn din l-istatistika tal-NSO ħareġ ukoll kif, bejn Jannar u April ta’ din is-sena, żdiedet anki n-nefqa rikurrenti meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Din in-nefqa tinkludi l-għajnuna minħabba l-pandemija, li fil-perjodu inkwistjoni kienet ta’ madwar €46.9 miljun.
Il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali f’dan il-perjodu kien jammonta għal iżjed minn €11.4 miljun.
Fl-istess waqt, fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, il-Gvern investa iżjed minn €5.1 miljun biex iżomm il-prezz tal-fjuwil stabbli.
Dan sar minħabba l-isfidi li għaddejjin madwar id-dinja, hekk kif il-prezzijiet tal-fjuwil u l-gass żdiedu kullimkien. Biex il-prezz ikun jista’ jibqa’ stabbli l-Gvern naqqas is-sisa li tiġi intaxxata minn fuq il-prezz tal-petrol u b’hekk tilef id-dħul mit-taxxa.