Id-dħul tal-anzjani, li għandhom aktar minn 65 sena, żdied b’34 fil-mija bejn l-2014 u l-2022.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, f’artiklu li kiteb fuq it-Times of Malta b’risposta għal editorjal preċedenti tal-istess gazzetta wara li din qalet li hi sitwazzjoni inkwetanti li ħafna ċittadini anzjani qed jiffaċċjaw f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Musù qal li l-aħħar ċifri maħruġin mill-NSO jixhdu kif bejn l-2021 u l-2022, l-ammont ta’ anzjani li huma sodisfatti b’ħajjithom ukoll żdied minn 6.8 fil-mija għal 7.1 fil-mija.
F’dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li fl-2014 dawk l-anzjani li kienu joqogħdu lura materjalment kienu jlaħħqu t-22 fil-mija, iżda s-sena l-oħra dawn niżlu għal 12 fil-mija.
Ġie spjegat ukoll kif il-prassi Ewropea biex jitkejjel ir-riskju ta’ faqar hi li jekk taqla’ inqas minn 60 fil-mija tad-dħul disponibili medju tkun f’riskju ta’ faqar.
Dan il-kejl – magħruf bħala poverty threshold – żdied minn 7,685 ewro fl-2014 għal 10,893 ewro fl 2022, żieda ta 42%.
Musù qal ukoll li bejn l-2014 u l-2022, id-dejta tal-Eurostat turi li d-dħul medju ta’ persuni Maltin ta’ 65 sena jew aktar tela’ minn €10,327 għal €13,886. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 34%, li hu aktar mid-doppju taż-żieda osservata fl-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut matul l-istess perjodu.
Musù rrimarka li dan ġara wara diversi fatturi importanti. Raġuni waħda hija ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol.
Filwaqt li, lura fl-2014, il-biċċa l-kbira tal-familji kienu jiddependu fuq paga waħda biss, issa l-maġġoranza huma familji bi żewġ sorsi ta’ dħul.
Huwa temm jgħid li jirrikonoxxi li l-anzjani jiffaċċjaw sfidi sinifikanti, iżda fl-istess ħin il-Gvern hu kommess li jgħin lil kulħadd biex ikun jista’ jiffaċċa l-ħajja bl-aħjar mod possibbli.