Id-dħul għoxrin sena ilu ta’ Malta u ta’ disa’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea qiegħed jiġi mfakkar f’dawn il-jiem permezz ta’ wirja fotografika li qiegħed tittella’ fil-pjazza ewlenija ta’ Kansalaistori fil-belt kapitali Finlandiża Helsinki, Din il-pjazza tinsab biswit il-librerija Oodi ewlenija li nfetħet fl-2018 u li jżuruha eluf ta’ Finlandiżi u barranin matul is-sena. Dan minħabba li sservi bħala ċentru tat-tagħlim, riċerka u ta’ kultura.
Il-ftuħ uffiċjali tal-wirja, bit-tema EU’s Big Bang 2004 : A Short Photographic Journey Back In Time, sar it-Tlieta 7 ta’ Mejju fejn għaliha kienu mistiedna mhux biss l-Ambaxxaturi kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea akkreditati fil-Finlandja iżda anki uffiċjali rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, membri parlamentari Finlandiżi u persuni oħra distinti.
Matul il-ftuħ uffiċjali saru diskorsi mill-Onorevoli Heikki Autto, membru parlamentari fi ħdan il-Parlament Finlandiż, Maria Blassar, Kap tal-Uffiċju tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Helsinki, l-Ambaxxatur tar-Repubblika Ċeka għall-Finlandja l-E.T. Adam Vojtech u minn Dr Kenneth Vella li hu l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, filwaqt li f’isem l-ambaxxaturi sħabu, Vella rringrazzja lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Helsinki u lill-Uffiċju tal-Parlament Finlandiż tal-appoġġ tagħhom, tenna li din il-wirja għandha l-għan li tfakkar id-dħul ta’ dawn l-għaxar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea għoxrin sena ilu permezz ta’ ritratti li jixhdu avveniment storiku importanti.
Hu anki rringrazzja lill-kollegi Ambaxxaturi li ġentilment stiednuh jagħmel id-diskors tat-tnedija tal-wirja wkoll f’isimhom. Il-wirja fotografika f’Helsinki tibqa miftuħa sat-13 ta’ Mejju u kienet possibli wkoll grazzi għall-koordinazzjoni ta’ Irena Vedrickaitė mill-Ambaxxata tal-Litwanja u minn Grete Ahtola minn dik tal-Estonja. Il-fotografu professjonali Finlandiż Juhani Juurik ħa ħsieb il-produzzjoni.
L-Ambaxxatur Malti jieħu wkoll l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru Christopher Cutajar tal-interess u l-appoġġ tagħhom. Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lejn l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Informazzjoni li assistewh fl-għażla tar-ritratti li qiegħed jiġu esebiti matul il-wirja fotografika.
Ritratti: JUUR STUDIO