Id-dħul tal-istabilimenti bejn April u Ġunju li għadda żdied b’mija u ħamsa u sittin fil-mija meta wieħed iqabblu mas-sena l-oħra.
Dan innutah l-ekonomista Dr Gordon Cordina, fi preżentazzjoni li ta waqt konferenza tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lis-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel, l-ACE.
Dr Cordina qal kif dan ir-riżultat juri rkupru ekonomiku.
Intqal kif il-pandemija tat daqqa sew lil dan is-settur, hekk kif fis-sena tal-pandemija kien hemm nuqqas ta’ iżjed minn mitejn u tmenin miljun ewro fid-dħul meta mqabbel mill-elfejn u tmintax.
L-ekonomista semma kif hemm diversi sfidi, fosthom li s-settur mhux jattira ħafna żgħażagħ u nuqqas ta’ nisa jaħdmu f’dan is-settur.
F’din l-istatistika ħareġ ukoll kif tlettax fil-mija tal-ħaddiema f’dan is-settur jaħdmu għal rashom.
Intant permezz tal-iskema tal-vouchers tal-mitt ewro li qassam il-Gvern fuq żewġ rawnds, ir-ristoranti madwar pajjiżna raw settur ġdid ta’ nies li bdew jersqu lejn dawn l-istabbilimenti.
Dan intqal mill-President tal-ACE fl-istess konferenza li ttellgħet fil-binja tal-Kamra tal-Kummerċ.
Qal, “Fis-sajf grazzi għas-sistema tal-Gvern tal-vouchers, mhux se jesplora x-xogħol imma kiber ħafna li żamm l-industrija għaddejja u fetaħ ukoll suq ġdid. Jiġifieri aħna biss bil-vouchers, kien hemm settur, li forsi ma kinux imorru ġo restaurant għax ma jaffordjawx u bis-saħħa tal-vouchers infetaħ dak is-suq ukoll.”
Reuben Buttigieg saħaq fuq il-ħtieġa t’aktar nies jaħdmu fis-settur tal-ikel filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli semmiet kif il-miżuri fil-Budget għas-sena d-dieħla, fosthom dawk tan-nuqqas ta’ taxxi fuq l-overtime u l-part time se jgħinu biex jinċentivaw aktar nies jaħdmu.
Marthese Portelli qalet kif fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni dejjem għandu jkun hemm il-qalba diġitali u s-sostennibiltà.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-Ministru Clyde Caruana qal kif waqt pandemija, Malta kienet l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kellha nuqqas fir-rata tal-qgħad, bil-miżura tal-Covid Wage Supplement.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal kif bħalissa għaddej stħarriġ bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u JobsPlus dwar il-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tal-catering fost oħrajn. Qal kif l-Istitut għall-Istudji Turistiċi għaddej bi pjan ta’ ħames snin sabiex ikollu ċertifikati livell ta’ Università permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet internazzjonali u beda joffri l-ewwel kors f’livell maġisteru.