F’intervista fuq dan l-istazzjon, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela ċaħad l-akkuża dwar qtil tal-immigranti ġejja mill-Oppożizzjoni, hekk kif saħaq li din id-dgħajsa bl-immigranti, li l-Oppożizzjoni qed tirreferi għaliha, hija dik l-istess dgħajsa li ftit tal-jiem ilu daħlet f’pajjiżna bl-immigranti kollha ħajjin.
Il-Prim Ministru stqarr: “Din id-dgħajsa li qed nitkellmu dwarha li sar denunzja minn Reppublika minn Jason Azzopardi u llum għandna l-konferma tal-Oppożizzjoni li taqbel ma’ dik l-istrateġija, hija d-dgħajsa li kien hemm ħafna kellhom oġġezzjoni biex tidħol f’Malta imma fil-verità daħlet bl-immigranti fuqha f’Malta.”
“Dawn il-persuni li skont l-Oppożizzjoni nqatlu mill-armata tagħna qegħdin bħalissa jippreparaw għall-ikla ta’ nofsinhar f’pajjiżna”, qal il-Prim Ministru li saħaq ukoll li biex tmexxi lil pajjiżek trid tkun tħobbu u aħna qatt mhu ser nagħmlu ħsara.
Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kellu opportunità tad-deheb li jiddistakka ruħu mill-kelliem tiegħu għall-ġustizja li fetaħ kwerela kontra l-Prim Ministru, il-Brigadier u ħdax-il suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta fuq akkuża ta’ qtil ta’ immigranti, akkuża li ġġorr piena ta’ għomor il-ħabs.
Il-Prim Ministru qal li minflok, Delia ddefenda l-aġir ta’ Jason Azzopardi.
Huwa sostna: “Ilbieraħ kellek lill-Kap tal-Opożizzjoni li ddefenda l-aġir ta’ Jason Azzopardi. Mhux biss iddefenda imma qabel miegħu tant li l-istess Azzopardi immedjatmanet malli Adrian Delia lesta konferenza stampa ħareġ jirringrazzjah talli tah l-appoġġ sħiħ tiegħu u ta’ dak l-istess ringrazzjament għall-appoġġ tal-Grupp tal-PN u issa ma hemm ebda dubju li qed nitkellmu dwar azzjoni li l-Oppożizzjoni tal-PN tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lejha.”
Il-Prim Ministru kompla jgħid: “Flok is-sigħat tagħhom ta’ ħidma se jiddedikawhom fuq ix-xatt tagħna jiġġieldu l-Coronavirus issa se jkollhom jinħlew fuq proċess ġudizzjarju”, qal Dr Robert Abela, li fisser l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni dwar l-immigrazzjoni, hekk kif fil-lejl li daħlu dawn l-immigranti ntbagħtet il-midja Nazzjonalista sabiex issegwi dan id-dħul.
Dan bil-għan li tqajjem rabja fost il-poplu Malti u issa dawn iridu li ssir investigazzjoni għall-akkużi ta’ qtil ta’ dawn l-immigranti li daħlu ħajjin.
Dr Abela saħaq kif din it-tattika biex tiggranfa u tagħti daqqa politika, tista’ twassal għal qtigħ il-qalb fost is-suldati iżda saħaq li f’isem il-Gvern se jkun qed jappoġġja u jiddefendi bis-saħħa lil dawn is-suldati li qed jagħmlu biċċa xogħol kbira ħafna.
Il-Prim Ministru kompla jgħid: “Jien lest, anzi nagħmlilha b’mod ċar ħafna, jien mhux bħal Kap tal-Opożizzjoni li filgħodu imur għand il-FAM u jgħidilhom inti t-tarka tagħna u filgħaxija jappoġja lil min għamillhom denunza biex jitfahhom għmorhom il-ħabs. Din inkonsistenza kbira. Jien ħadt pożizzjoni mal-ewwel li se niddefendi lil forzi tal ordni tagħna bis-saħħa u din il-pożizzjoni ser nibqa’ nikkonferma bis-saħħa kont b’dik il-pożizzjoni, għadni b’dik il-pożizzjoni u se nibqa’ niddefendi lill-FAM.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li t-talba tal-għaqda r-Reppublika quddiem il-Qorti Ewropea sabiex kemm Malta kif ukoll l-Italja jerġgħu jiftħu l-portijiet tagħhom għall-immigranti, anke fis-sitwazzjoni ta’ pandemija, setgħet twassal għal inċident diplomatiku mat-Taljani.
Intant, Robert Abela qal li huwa stenna li l-Oppożizzjoni tiġbed l-istess ħabel mal-Gvern fl-interess nazzjonali ta’ Malta iżda dan sfaxxa fix-xejn.
Huwa stqarr: “Jien stennejt u għadni qed nistenna li l-Oppożizzjoni toħroġ u tgħid jien fl-interess nazzjonali se nappoġja lill-Gvern f’din il-pożizzjoni li ħa…naħseb li ser nibqa’ nistenna però.”