Lanċa kbira tas-sajd b’450 immigrant tinsab fl-ibħra territorjali Taljani wara li n-nies abbord il-bastiment għarrfu liċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni u Salvataġġ Malti li l-intenzjoni tagħhom kienet li jibqgħu sejrin lejn il-gżira ta’ Lampedusa.
Fi stqarrija tard il-Ġimgħa filgħaxija l-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali spjega li ċ-ċentru ta’ kordinazzjoni u salvataġġ Malti ġie infurmat miċ-ċentru ta’ Ruma bil-preżenza ta’ bastiment tas-sajd li fuqha kien hemm madwar 450 immigrant hekk kif ħarġet miż-żona Libjana ta’ salvataġġ u daħlet f’dik Maltija.
Il-Ministeru qal li l-informazzjoni ngħatat meta l-lanċa kienet tinsab tlieta u ħamsin mil nawtiku ‘l bogħod minn Lampedusa u mija u għaxar mili nawtiċi ‘l bogħod minn Malta. Qal li meta ċ-ċentru ta’ salvataġġ Malti għamel kuntatt mal-lanċa, dawk abbord stqarru li riedu jkomplu fi triqithom lejn il-port ta’ Lampedusa.
Il-Ministeru saħaq la ladarba l-vapur kien qed ibaħħar, iċ-ċentru Malti ta’ salvataġġ ma kellu l-ebda awtorità li jagħti struzzjonjiet oħra lid-dgħajsa. Madankollu qal li xorta sar monitoraġġ tal-lanċa sabiex jiġi assigurat li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa f’każ ta’ bżonn.
Qal li bħalissa l-lanċa tinsab fl-ibħra territorajli Taljani kif tixhed mappa li ġiet ippubblikata mal-istqarrija. Il-Gvern sostna li Malta ssodisfat l-obbligazzjonijiet kollha applikabbli konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar.