Ċelebrazzjoni li se tkun qed tfakkar il-kisbiet f’għeluq il-ħames snin mindu Dr Robert Abela sar Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista b’ħarsa lejn il-futur.
Hekk iddeskriviet iċ-ċelebrazzjoni, li se tkun qed tiftaħ il-kalendarju ta’ attivitajiet politiċi tal-Partit Laburista nhar il-Ħadd 12 ta’ Jannar, il-Kap tal-Komunikazzjoni u Kelliema għall-Partit Laburista, Norma Saliba.
Qalet, “Bħala rally ħa jkun hawn diversi kelliema li ħa jitkellmu proprju dwar dawn il-ħames snin x’jissimbolizzaw ukoll għalina bħala l-Partit Laburista, bħala Robert Abela x’kienu l-kisbiet tiegħu f’dawn il-ħames snin, iżda mhux biss.”
Fl-isfond ta’ wħud mit-tħejjiet loġistiċi marbutin ma’ din l-attività, Saliba qasmet magħna wkoll dettalji ta’ kif wieħed jista’ jingħaqad mal-Partit Laburista f’Warehouse 21, f’Kordin mill-għaxra ta’ filgħodu ’l quddiem.
Stqarret, “Min ma jixtieqx jiġi bil-karozza tiegħu u anke jixtieq iġib forsi ħbieb jew familjari miegħu, il-kumitati lokali kollha qegħdin jorganizzaw it-trasport, inkluż f’Għawdex. Inħeġġeġ lill-Għawdxin biex jikkuntattjaw lill-kumitat lokali ta’ Għawdex, għax hemmhekk ukoll qegħdin jagħmlu l-preparamenti biex l-Għawdxin jiġu jingħaqdu magħna.”
Għal dawk li jixtiequ jattendu bil-karozza privata tagħhom, Saliba nnotat kif il-post hu attrezzat b’parkeġġ adegwat, waqt li l-post magħżul hu wkoll aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.
B’rabta ma’ din l-attività, tkellimna wkoll ma’ DJ Koroma, li qasam magħna x’għandu mħejji għall-attività, qabel din tilħaq il-qofol tagħha bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.
Qal, “B’differenza għall-attivitajiet li jkollna s-soltu, din id-darba ħa tkun aktar animata, jiġifieri min-naħa tiegħi ħa nkun qed nieħu ħsieb il-warm-up qabel ma jibdew jitkellmu l-mistednin u l-mexxejja politiċi. Min-naħa tiegħi ħa nagħmel sett ta’ mużika li hu addattat għal kull età kif qed nassumu li ħa jkun hemm kemm żgħażagħ u kemm nies akbar fl-età, jiġifieri min-naħa tiegħi ħa jkollna naqra ta’ atmosfera tajba biex ikollna build-up b’saħħtu għal li jkun imiss warajja.”