Hekk kif bdiet tiġi offruta fl-ispiżerija tad-Detox wara snin ta’ negozjati, il-Buprenorphine, mediċina ġdida u aħjar, tkellimna ma’ Dr Anna Maria Vella, fejn tatna spjegazzjoni tal-benefiċċji tagħha.
Qaltilna kif din hi għodda importanti ħafna għat-tobba tad-Detox, li jsegwu persuni li jkollhom il-vizzju tal-abbuż mill-eroina.
Dwar il-benefiċċji tagħha, Dr Vella qaltilna kif il-pazjent biha ma jkollux għalfejn imur id-Detox kuljum, imma darba biss kull ġimagħtejn jew anke eventwalment fix-xahar. Dan ifisser li persuna tista’ tkompli aktar b’ħajjitha lil hinn mill-abbuż tas-sustanzi.
Minbarra hekk, anke jekk tiswa aktar mill-Methadone, bil-Buprenorphine qatt ma jista’ jkun hemm overdoses, kif ġieli jiġri sal-lum u dan għax persuna ma tistax tibqa’ tieħu d-droga b’xi mod.
Għaldaqstant Dr Vella spjegat li s-sistema hi tajba fiha nfisha biex dak li jkun iżomm ’il bogħod mid-droga.
Hi wriet l-apprezzament tagħha għall-mod kif, wara diversi diskussjonijiet li saru mal-awtoritajiet, il-mediċina l-ġdida qed tingħata b’xejn mit-tobba li jaraw il-pazjenti fid-Detox biss, biex, flimkien mal-Methadone, ikomplu jgħinu lill-pazjenti tagħhom.
“Hija xi ħaġa importanti ħafna l-aktar għax hi, barra li hi b’xejn, hi xi ħaġa li mhemmx għalfejn jiġu għaliha kuljum. Aħna nistgħu nagħtu l-mediċina darba kull ħmistax jew darba kull xahar, però jkunu segwiti minna. Inti ma tistax taqbad u tagħmilha liberament minn kull spiżerija, għax hawnhekk it-tobba tagħna jkunu qegħdin isegwu dawn il-pazjenti b’mod fil-viċin u jkunu qed jimmoniterjawhom biex jaraw li għandhom id-doża tajba u hi effettiva għalihom.”
Dr. Anna Maria Vella, Clinical Chair, Sedqa