Il-jum tal-wieħed u tletin ta’ Marzu tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin.
Ġurnata li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif il-bażi Ingliżi ħalliet darba għal dejjem lill-pajjiżna wara kważi mija u tmenin sena f’pajjiżna.
Din il-mixja ma kinitx faċli, spjega f’intervista ma’ ONE News l-eks Ministru Laburista Alex Sceberras Trigona.
Sceberras Trigona spjega magħna kif Malta tas-sittin u s-sebgħinijiet kellha għażla li tibqa’ tiddependi ekonomikament mill-bażi miltari, fejn il-ġid kien jinħoloq minn gwerra f’nazzjon ieħor jew inkella li tinqata’ kompletament mill-Ingliżi u tibni n-nazzjon tagħha.
Sceberras Trigona qal , “Allura Mintoff ried jikser din l-equation, li bilfors Malta d-destin tagħha huwa li tibqa’ bażi militari. Dik kienet xi ħaġa, għoqda veru kbira. Illum ftit nifmuha, imma dak iż-żmien kulħadd kien jemminha minn kull naħa. Anki fil-Partit Laburista, anki Boffa qabel Mintoff kien mal-Ingliżi qisu bilfors biex ngħixu aħna biex ngħixu bilfors magħhom.”
L-eks Ministru Laburista spjega kif meta Malta saret indipendenti, il-Gvern Malti ffirma żewġ tratti, dak ta’ Difiża u ieħor ta’ Finanzi.
Huwa tenna, “Bis-saħħa tal-Mutual Defence Agreement, l-Ingliżi kellhom id-dritt tal-bażijiet militari kollha hawn Malta u l-Gvern Malti kien marbut li ħallihomlhom hemm għal għaxar snin. Dak il-Financial Aid Agreement, mhux korrelat mal-ewwel wieħed kellhom jagħtu assistenza, ġenerożità Ingliża ta’ 5 miljuni ta’ dak iż-żmien fis-sena.”
Dan il-pakkett ta’ finanzi, li kien se jtul għal għaxar snin, fejn wara ħames snin is-self kien se jkun akbar mill-għotja li kienu se jagħti l-Gvern Ingliż.
Malli telgħa Gvern Laburista mmexxi mill-Perit Dom Mintoff, f’Ġunju tal-elf disa’ mija wieħed u sebgħin, bdew in-negozjati mal-Gvern Ingliż biex issir reviżjoni ta’ dawn it-trattati.
Dan wassal biex fl-aħħar ta’ Marzu tal-elf disa’ tnejn u sebgħin, il-Gvern Malti ffirma ftehim mal-Gvern Ingliż. Dan wassal biex l-Ingliżi riedu jħallsu erbatax-il miljun sterlina fis-sena, mingħajr ebda self u l-Ingliżi kienu se jitilqu darba għal dejjem f’Marzu ta’ seba’ snin wara.
U hekk ġara. Fil-wieħed u tletin ta’ Marzu tal-disgħa u sebgħin kienet jum ta’ festa. Eluf ta’ Maltin sfidaw il-lejla kiesħa fil-Birgu, fejn tniżżlet il-bandiera tal-Ingliżi u flokha telgħet tperper il-bajda u l-ħamra – il-bandiera Maltija.
Alex Sceberras Trigona rrakkonta magħna kif xahar qabel il-jum storiku tal-Ħelsien, Ministru tal-Gvern Ingliż qallu biex jiltaqa’ ma’ Mintoff sabiex l-Ingliżi jibqgħu f’pajjiżna għal seba’ snin oħra, iżda dlonk Mintoff m’aċċettax dan.
Irrakkonta kif dan il-Ministru Ingliż kien qallu li kien se jżid l-għotja għal tletin miljun sterlina, id-doppju ta’ dak miftiehem seba’ snin qabel.
Qal, “Qalli ejja mmorru nkellmuh. Għedtlu taf kemm jibblastja Mintoff u qalli “we give it a try”. U meta mar qallu “no forget it”. Meta ħriġna qalli “you were right, you were right speċi.”
Din l-istorja turi d-determinazzjoni li kellu Dom Mintoff biex pajjiżna jkun ħieles mill-barrani u b’hekk iddiversifika l-ekonomija, waqt li wettaq numru ta’ riformi sabiex pajjiżna setgħa jimxi ‘l quddiem.