Il-Gvern ippublika dokument għal konsultazzjoni li se jkun qed jattira ideat ġodda dwar kif se tiżviluppa ż-żona tad-Dwejra wara li lbieraħ it-tieqa ġġarrfet għal kollox. Dan bl-għan li din iż-żona tiġi preservata bl-aħjar mod.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-Gvern qed jikkunsidra dawn il-possibiltajiet:
- Li ż-żona titħalla kif inhi
- Li ssir esebizzjoni bil-fdalijiet tat-tieqa tad-Dwejra
- Jinbena interpretation centre
- Issir dik li hija msejħa augmented reality, jiġifieri li jsir viżwal iġġenerat minn kompjuter tat-tieqa
- Li ssir installazzjoni artistika fiż-żona
- Issir rikreazzjoni artifiċjali
Id-dokument ta’ konsultazzjoni ma jeskludiex ideat oħra, li jissalvagwardjaw l-ambjent tal-madwar.
Sakemm id-destin tad-dwejra jiġi stabbilit, inħarġet ordni ta’ protezzjoni madwar is-sit fejn kien hemm it-tieqa, biex ħadd ma jtella fdalijiet mill-ġebel li spiċċa f’qiegħ il-baħar.
Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-ambjent Josè Herrera u l-Ministru għall-kultura Owen Bonniċi, il-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo u l-Ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis.
Din l-inizjattiva tħabbret mill-Prim Ministru Joseph Muscat meta intervistat minn ġurnalist fuq Sky News.